12-il stabbiliment jinstabu jiksru r-regolamenti l-ġodda kontra l-imxija tal-Covid-19

Uffiċjali tal-MTA qed iwettqu spezzjonijiet mhux biss fi stabbilimenti iżda anke waqt attivitajiet inkluż it-tiġijiet

Fl-aħħar jiem, 12-il stabbiliment instabu li kienu qed jiksru r-regolamenti l-ġodda imposti aktar kmieni dan ix-xahar mill-Gvern wara ż-żieda fil-każi ta’ Covid-19.

Il-multa għal dawk li jinqabdu jiksru l-protokolli hija ta’ €3,000.

Qalet dan fi stqarrija l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu hekk kif fl-aħħar ġimgħa, l-uffiċjali tagħha mit-taqsima tal-infurzar, wettqu xejn inqas minn 500 spezzjoni kemm fi stabbilimenti u anke f’attivitajiet organizzati, inkluż it-tiġijiet.

L-uffiċjali qed jagħmlu wkoll spezzjonijiet f’diversi clubs, anke jekk dawn ma għandhomx il-liċenzja tagħhom maħruġa mill-MTA.

L-MTA qed twettaq ukoll spezzjonijiet spontanji f’lukandi, f’appartamenti li jintużaw għall-kiri, ristoranti u bajjiet, fost oħrajn.

More in Politika