Mil-lum: Massimu ta' 100 persuna ġewwa u 300 barra f'attivitajiet u infurzar tal-ilbies tal-maskri

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li kienet minn ewl id-dinja li jiżdiedu n-nurmi la nfetaħ l-Ajruport - jgħid li kulħadd jaf x'kienet tkun l-alternattiva għal dan u li l-Gvern irnexxielu jilħaq bilanċ

Id-Deputat PM Chris Fearne u l-PM Robert Abela waqt il-laqgħa tal-MCESD
Id-Deputat PM Chris Fearne u l-PM Robert Abela waqt il-laqgħa tal-MCESD

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fakkar li n-numru ta' nies f'attivitajiet "tal-massa" se jkunu limitati skont id-daqs tal-post u ma jistax ikun hemm aktar minn 10 minn nies fi grupp wieħed.  Ħabbar li mil-lum 'il quddiem se jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda.  "Waqt li żammejna l-massimu ta' persuna kull erba' metri kwadri, issa għamilna capping - li jfisser illi attivtajiet ma jistgħux ikollhom aktar minn 300 persuna fuq barra u 100 persuna fuq ġewwa. 

Kull attività jrid ikollha sinjal ta' kemm jistgħu jidħlu nies f'dan il-post. 

Fearne qal li dan se jkun sostnut b'infurzar qawwi - bir-regoli jkunu aċċertati dejjem u kull ħin.  "Fejn huwa obbligatorju tilbes maskra - fuq it-trasport pubbliku, fil-ħwienet, fuq il-vapur ta' Għawdex ... hawnhekk tiġi infurzata multa ta' €50." 

Huwa qal li se jiżdiedu wkoll żewġ testing hubs ġodda kif ukoll li l-Gvern qed jesiġi li l-carers ikunu ttestjati b'mod frekwenti.  Il-ħinijiet tal-viżitaturi se jitnaqqsu wkoll f'dawn id-djar. 

 Intant il-Prim Ministru Robert Abela qal li m'hemmx lok ta' paniku u allarm u li s-sitwazzjoni tas-saħħa hija tajba.  "Għandna l-vantaġġ tal-esperjenza.  Għandna sistema ta' Saħħa eċċellenti, sovvratendenza li taf x'inhi  tagħmel," qal Abela. "L-agħar ħaġa hija li nipparalizzaw ħajjet in-nies meta l-Isptar huwa vojt (minn pazjenti tal-Covid-19)."

Huwa qal li mhux se jaċċetta li tonqos il-kwalità tal-ħajja tan-nies għax hemm il-pandemija, għalkemm iċċara li dan ma jfissirx li għall-Gvern qisu xejn mhu xejn. 

Saħaq illi kienet minn ewl id-dinja li l-każi jiżdiedu ladarba jinfetaħ l-ajruport. "Biss, biss kellna 90,000 departure mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta," qal Abela li sostna illi l-alternattiva kienet li jinżamm l-ajruport magħluq u fakkar illi kulħadd jaf x'inhuma r-riperkussjonijiet ta' din l-alternattiva. 

"Bħala fatt huwa vera li n-numri ta' każijiet żdiedu iżda fakkar li l-każi serji ma żdiedux.  Fattwali daqstant ieħor huwa li dawk li qed jinstabu pożittivi qed ikollhom sintomi ħfief jew xejn - u j'Alla nibqgħu hekk.  Aħna rridu nżommu r-rata ta' infezzjonijiet b'mod li l-qasam tas-saħħa jlaħħaq.  Mhux talli qed ilaħħaq talli l-faċilitajiet tas-saħħa li għandna għall-Covid-19 lanqas biss qed jintużaw."

Il-Prim Ministru kompla jgħid illi l-pajjiż qed ikompli jżid is-swabs u sostna li Malta mhux se tnaqqas l-iswabbing.  Saħaq illi l-Gvern irnexxielu jilħaq bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa  u semma' kif 450 familja reġgħet sabet ix-xogħol wara li kienu spiċċaw fil-qgħad minħabba l-pandemija. 

Huwa qal li l-laqgħa ta' dan il-lejl kienet waħda "pożittiva mmens" fi spirtu li wassal għal "kunsens anonimu" għajr għal MAM u riżervi tagħha għall-orgizzazzjoni ta' attivitajiet, anke jekk b'limitu ta' nies.

 

More in Politika