Mark Anthony Sammut ukoll jiddikjara li mhux se jikkontesta għall-Kap tal-PN

Sammut ħabbar dan dalgħodu wara li lbieraħ anke l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u d-Deputata Therese Comodini Cachia ħadu pass lura

L-eks President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut, ikkonferma li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Sammut ħabbar dan dalgħodu wara li lbieraħ anke l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u d-Deputata Therese Comodini Cachia ħadu pass lura, hekk kif it-tir tad-Deputati ribelli huwa li jkun hemm biss kandidat wieħed li jisfida lil Adrian Delia. Delia lbieraħ informa lill-Kummissjoni Elettorali tal-PN bl-intenzjoni tiegħu li jikkontesta.

Sammut saħaq li fl-aħħar jiem tkellem u ltaqa' ma' ħafna nies u evalwa dak kollu li ntqal lilu u dak li jista' joffri hu f'dawn il-mumenti.

"Fid-dawl ta' dan kollu wasalt għal konklużjoni li l-kandidatura tiegħi għal Kap tal-Partit mhix l-unika kontribut li nista’ nagħti biex nilħqu l-iskopijiet li l-poplu u pajjiżna jistenna minna. Nassigurakom però li ħa nkun fuq quddiem nett nagħti s-sehem sħiħ tiegħi biex fil-PN isseħħ il-bidla radikali li hemm bżonn. Biex fost l-oħrajn naraw aktar żgħażagħ, aktar studenti, aktar nisa jersqu 'l quddiem u jagħtu sehemhom," saħaq Sammut.

Ilbieraħ, dan is-sit żvela kif l-Avukat Bernard Grech huwa l-magħżul tad-Deputati Nazzjonalisti ribelli biex jikkontesta lil Delia u jidher li qablu ma' dan ukoll anke Metsola, Comodini Cachia u Sammut.

Sa issa, Bernard Grech għadu ma ta l-ebda kummenti.

L-applikazzjonijiet għal dawk interessati għall-kariga tal-PN jagħlqu nhar it-Tnejn biex ikun jista' jibda proċess ta' verifika fuq kull kandidat qabel jinħarġu n-nomini.

F'każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati, jissejjaħ Kunsill Ġenerali li jivvota biex jagħżel l-aqwa żewġ kandidati, qabel l-għażla titħalla totalment f'idejn it-tesserati.

Jekk ikun hemm żewġ kandidati biss, jinqabeż il-proċess tal-Kunsill Ġenerali u tissejjaħ minnufih il-Konvenzjoni Ġenerali biex it-tesserati, li jgħoddu 'l fuq minn 25,000, jivvutaw biex jagħżlu l-Kap Nazzjonalista.

More in Politika