Bernard Grech il-favorit tad-Deputati Nazzjonalisti biex jikkontesta kontra Delia

Aktar kmieni llum, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola kitbet li mhux se tkun qed tikkontesta u jidher li anke Therese Comodini Cachia rtirat mit-tiġrija

Deputati tal-Partit Nazzjonalista u sorsi tal-ILLUM ikkonfermaw li wara jiem ta' diskussjonijiet intlaħaq qbil li għandu jkun Bernard Grech li jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista kontra Adrian Delia.

Aktar kmieni llum, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola kitbet li mhux se tkun qed tikkontesta u minkejja li Therese Comodini Cachia kienet lesta li titfa' isimha, jidher li fl-aħħar ħin anke hi għażlet li ma tikkontestax.

Hu mifhum li Comodini Cachia se tikkomunika dalwaqt din id-deċiżjoni tagħha.

Metsola kkonfermat li fl-aħħar jiem kien hemm diskussjonijiet biex ikun hemm biss kandidat wieħed li jisfida lil Delia f'din l-elezzjoni kruċjali għall-futur tal-Partit Nazzjonalista.

F’każ li jkun hemm biss żewġ kandidati, l-għażla tmur direttament f’idejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Jekk ikun hemm aktar minn kandidat wieħed, qabel il-vot tat-tesserati, ikun hemm vot fil-Kunsill Ġenerali, biċ-ċans ikun li l-voti ta' dawk li huma kontra Delia jinqasmu filwaqt li Delia joħroġ b'saħħtu hekk kif huwa ċar, wara l-vot tas-Sibt li għadda, li Delia għandu l-appoġġ ta' 44% tal-Kunsilliera.

Dan is-sit qed jipprova jagħmel kuntatt ma' Bernard Grech iżda sa sa issa għadu bla tweġiba

More in Politika