'Jew ninbidlu jew immutu' - Roberta Metsola

Roberta Metsola messaġġ b’saħħtu fil-ġurnata li l-kunsilliera tal-PN se jibdew jivvotaw dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista

Fil-ġurnata li fiha l-kunsilliera tal-PN se jibdew jivvotaw dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u waħda mill-kandidati prospettivi li qed jissemmew f’każ li ssir elezzjoni għall-Kap, kitbet messaġġ b’saħħtu fuq it-Times of Malta fejn saħqet li jekk il-PN mhux se jinbidel, se jirriskja li jispiċċa.

Fi kliemha, il-PN jeħtieġ li jagħfas “ir-reset button,” ħalli jibda jħares ‘il quddiem. Saħqet li bħalissa l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq u l-għażla li għandu quddiemu hija waħda kruċjali.

Insistiet li jekk irid bidla fil-pajjiż, l-ewwel u qabel kollox il-PN irid ikun f’pożizzjoni li jirbaħ elezzjoni.

“Meta nieħdu d-deċiżjonijiet serji u li huma bżonnjużi, imbagħad il-pubbliku jkun jista’ jerġa’ jibda jikkunsidrana bħala Gvern alternattiv,” kitbet l-MEP.

Kien hawn li Metsola saħqet li “jew ninbidlu jew immutu.” 

Quddiemhom il-Kunsilliera għandhom għażla, jiġifieri jekk jagħżlux li t-tesserati jivvotawx biex jikkonfermaw jew le lil Adrian Delia jew inkella jekk it-tesserati għandhomx jivvotaw f'elezzjoni miftuħa għall-Kap u li għaliha, apparti Delia, jkunu jistgħu joħorġu kandidati oħra.

Il-PN wasal sa hawn wara żewġ voti ta' sfiduċja li sab ma' wiċċu Adrian Delia, wieħed mill-Grupp Parlamentari u l-ieħor mill-Eżekuttiv u dan wara mhux biss sondaġġi inkwetanti għall-PN iżda anke chat fuq Whatsapp li allegatament turi li kien hemm komunikazzjoni bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia u dan wara li kien sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-Kumpanija 17 Black.

More in Politika