Alfred Sant jisħaq li parties tal-massa u l-marċi tal-festa mhumiex f'lokhom

Minkejja t-talba ta' numru ta' assoċjazzjonijiet mediċi, il-Gvern għadu ma ħabbarx jekk hux se jerġa' jdaħħal restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant kiteb fuq Facebook dwar it-tħassib tiegħu li ż-żieda tal-aħħar jiem fil-każi tal-COVID-19 f'Malta tista' tagħmel aktar ħsara lil-lukandi u lis-settur tat-turiżmu f'Malta.

Fuq Facebook Sant insista li jifhem it-tħassib tal-lukandiera li x-xogħol tagħhom ħa daqqa kbira ta' ħarta fl-aħħar jiem u dejjem tibqa' l-mistoqsija minn fejn dawn se jġibu l-fondi biex ikomplu jmexxu l-lukanda tagħhom minkejja li din tinsab vojta jew kważi.

"F’ċirkostanzi hekk, kull inizjattiva li tressaq ftit dħul lejn l-istabbiliment ma tistax twarrabha kif ġieb u laħaq. Minkejja dan kollu, ma narax li parties “tal-massa” jistgħu jitqiesu bħala idea tajba. Is-sogru li jagħtu isem ħażin lil-lukanda u lit-turiżmu f’Malta tkun kbira wisq," insista l-Ewroparlamentari.

Ikkritika wkoll id-deċiżjoni ta' ċertu każini tal-banda li jorganizzaw dak li se sejħilhom parties “tal-massa” fit-toroq.

"Fil-fehma tiegħi lanqas huma mhuma qed jagħmlu tajjeb," kiteb Sant.

Malta rreġistrat żieda sostanzjali fil-każi tal-COVID-19 fosthom minħabba party 'Hotel Takeover' li sar fil-lukanda Radisson.

Persuna waħda infettata li attendiet għal dan il-party waslet biex diversi żgħażagħ ħadu l-virus u l-każi attivi f'Malta splodew 'il fuq fi ftit jiem. Irriżulta wkoll każ ta' persuna li kien attenda għall-attivitajiet marbuta mal-festa ta' Santa Venera.

Minkejja t-talba ta' numru ta' assoċjazzjonijiet mediċi, inkluż tobba, patoloġisti u spiżjara, il-Gvern għadu ma ħabbarx jekk hux se jerġa' jdaħħal restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa.

Aqra wkoll:

More in Politika