Aħbarijiet pożittivi! Tliet każi biss ta' Covid-19 f'pajjiżna ... ir-rata tinżel għal 0.6%

Minkejja aħbarijiet sbieħ f'pajjiżna il-Covid-19 għadha problema kbira fl-Istati Uniti, il-Brażil u l-Indja

Aktar aħbarijiet pożittivi f'pajjiżna fir-rigward tal-Covid-19 hekk kif bħalissa hemm biss tliet każi pożittivi għal dan il-virus li ġġammja lid-dinja u li għadu problema kbira f'pajjiżi bħall-Istati Uniti, l-Indja u l-Brażil.  Sa issa minn 111,555 swab li saru f'pajjiżna instabu 674 li kienu pożittivi għall-Covid-19 - jiġifieri rata ta' 0.6%.  Minn dawn is-674, mietu disa' minn nies li jfisser illi r-rata ta' mortalità hija ta' 1.3% u fiequ sa issa  662 li tfisser rata għolja ħafna ta' fejqan, ta' 98.2%. 

Fl-aħħar 24 siegħa saru 930 swab li minnhom ma rriżulta l-ebda każ ġdid filwaqt li fieqet persuna oħra. 

Dan huwa l-iżgħar numru ta' nies pożittivi bil-Covid-19 minn mindu faqqa' l-ewwel każ nhar is-7 ta' Marzu u minn hemmhekk il-każi bdew jiżdiedu. Il-quċċata ntlaqħet meta f'24 siegħa kienu rriżultaw ftit aktar minn 50 persuna pożittivi għall-Covid-19.

Minkejja li l-aħbarijiet f'Malta huma tajbin u jidher li l-Covid-19 hija taħt kontroll, l-Istati Uniti sa issa rreġistraw 3.5 miljun każ li minnhom 138,000 kienu każi ta' mwiet.  Fil-Brażil, fejn il-President Konservattiv Bolsonaro kien iddieħak bil-virus, sa issa kien hemm żewġ miljun każi, li minnhom 76,822 irriżultaw f'imwiet.  Finalment fl-Indja, sa issa, kien hemm miljun persuna pożittiva għall-Covid-19, b'25,602 imwiet. 

B'kollox fid-dinja, sa issa, hemm 13.8 miljun każ ta' Covid-19, b'580,000 mewt. 

More in Politika