'Morru minnufih għand il-President’ – Marlene Farrugia

Marlene u Godfrey Farrugia jingħaqdu mal-bqija mad-19-il Deputat li sfiduċjaw lil Adrian Delia

Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia, ħeġġet lid-Deputati Nazzjonalisti li lbieraħ sfiduċjaw lil Adrian Delia biex immorru għand il-President biex ikun jista’ jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid, li fi kliemha, jnissel tama u fiduċja.

Ilbieraħ, 19-il Deputat ivvotaw kontra waqt vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet immedjatament wara, Delia iddikjara li jirrispetta l-vot iżda mhux se jitlaq la minn Kap tal-Partit u lanqas minn Kap tal-Oppożizzjoni. Kienu 11-il Deputat li vvotaw favur Delia.

Bħala parti mill-Oppożizzjoni, Marlene u Godfrey qalu li jingħaqdu mad-dsatax-il Deputat u insistew li ma għandhomx fiduċja f’Delia.

Madanakollu, sa issa għadu mhux magħruf eżatt minn kienu d-Deputati li sfiduċjaw lil Delia u biex imorru għand il-President dawn iridu jikxu isimhom u jiffirmaw il-petizzjoni li turi iswed fuq l-abjad li fiduċja f’Delia ma għandhomx.

Madanakollu, l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono saħaq li issa l-President għandu jieħu rwol attiv u mhux passiv u issa li hu ċar li l-Oppożizzjoni ma għandhiex fiduċja fil-Kap tagħha, għandu jitkellem mad-Deputati individwalment u jasal għal konklużjoni.

Fi kliemu, ġaladarba l-isfiduċja hija ċara, idejn il-President huma marbuta u jeħtieġ ineħħi lil Delia u jagħżel kap tal-Oppożizzjoni ġdid.

More in Politika