'L-akbar arma ta’ dak li qiegħed fis-sewwa hija l-verità kollha' - Delia

Id-diskussjoni dwar it-tmexxija ta' Delia se tkompli għada waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kiser is-silenzju wara laqgħa li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali u li għaliha attendew għadd ta' Deputati tal-Partit Nazzjonalista wara li ġew żvelati chats fuq Whatsapp bejn Delia u Yorgen Fenech u dan meta kien magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Fuq Facebook, Delia kiteb hekk: "L-ikbar arma tal-korrott u tal-kriminal il-ħabi u l-gideb. L-ikbar arma ta’ dak li qiegħed fis-sewwa l-verità; il-verità kollha."

Ilbieraħ Delia ċaħad illi b'xi mod dawn il-messaġġi jfissru li hu qatt waqa' għall-pressjoni ta' Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Saħaq ukoll li ħadd mhu se jwaqqfu milli jkompli jiġġieled kontra l-korruzzjoni.

Minkejja din iċ-ċaħda, għadd ta' Deputati nġabru għal-laqgħa urġenti fid-Dar Ċentrali u li għaliha Delia attenda biss fl-aħħar.

Sorsi mill-Grupp Parlamentari li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li l-laqgħa u d-diskussjoni dwar it-tmexxija ta' Delia se tkompli għada, b'rapporti jisħqu li mhux qed tkun miċħuda l-possibbilità li jittieħed vot ta' sfiduċja f'Delia. 

More in Politika