L-eks Ministru Konrad Mizzi jħeġġeġ lill-Enemalta tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-Wind Farm f'Montenegro

Minkejja email minn Nexia BT li tgħid illi l-kumpanija fil-Panama fuq isem Konrad Mizzi kienet se tirċievi flus minn 17 Black, Mizzi jerġa jgħid li ma jaf xejn dwar 17 Black

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-eks Ministru Konrad Mizzi qal li l-Enemalta għandha tippubblika l-informazzjoni kollha dwar il-proġett ta’ Montenegro, "biex ikun hemm trasparenza sħiħa u tevita li ssir spekulazzjoni fuq xi aspett finanzjarju ta’ dan il-proġett. Dan huwa proġett li ġab biss profitti għall-Enemalta, u bis-saħħa t’hekk setgħet tissaħħaħ aktar il-kumpanija u żżomm it-tariffi tad-dawl baxxi, b’mod sostenibbli.  Importanti li l-Enemalta tinforma lil-pubbliku li dan il-proġett qed itiha rata ta’ dħul garantita ta’ mill-inqas 9.4%."

Mizzi kien qed jirreaġixxi għal informazzjoni li ħarġet dalgħodu dwar €4.6 miljun mix-xiri ta' Wind Farm fil-Montenegro mill-Enemalta.

Huwa qal illi fl-ebda mument matul l-iżvilupp tal-proġett ma kien hemm xi ħjiel ta’ aġir ħażin minn xi ħadd. "Jien intenni li ma għandi ebda assoċjazzjoni mal-kumpanija 17 Black, li llum issemmiet li kellha xi interess f’dan il-proġett. "  Dan minkejja li Hearnville l-kumpanija fil-Panama, f'ismu, kienet target client ta' 17 Black u dan skont email minn Nexia BT li fetħet l-istess kumpanija fil-Panama ta' Konrad Mizzi u anke ta' Keith Schembri.

Kienet il-kumpanija reġistrata fis-Seychelles Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.  €4.6 miljun minnhom huwa allegat li baqgħu f'17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech.  Din l-informazzjoni ħarġet dalgħodu minn investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, bl-istess rappurtaġġ jgħid illi €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Jiġifieri l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.

Il-kumpanija 17 Black kienet żvelata bħala target client tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville, kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.  L-istess Reuters u The Times bħala Daphne Project, kienu irrappurtaw kif  - allegatament - kienu għaddew mal-$1.4 miljun minn Rufat Baratzada - security f'sit ta' kostruzzjoni fl-Ażerbajġan - lejn 17 Black, filwaqt li allegatament għaddew ukoll $200,000 għal 17 Black mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara, xi ħaġa li dan ċaħad.

 

More in Politika