Għat-tieni darba f'ġimgħa Malta ma jkollha l-ebda każ ġdid ta' COVID-19; 13 oħra jfiequ

Pazjent wieħed jinsab fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u mill-każi tal-bieraħ hemm żewġ carers oħra ta' Karin Grech

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa Malta ma kellha l-ebda każ ġdid ta' COVID-19.

B'kollox, fl-aħħar 24 siegħa saru 'l fuq minn 1,119-il test, b'Charmaine Gauci tisħaq li kollox jindika li Malta qed iżomm is-sitwazzjoni taħt kontroll u stabbli.

Apparti minn hekk, fl-aħħar 24 siegħa fiequ 13-il persuna oħra biex hekk issa l-każi attivi jerġgħu jinżlu taħt il-100, hekk kif hemm 94 każ attiv.

B'kollox, f'Malta fiequ 514-il persuna.

Aktar dettalji dwar il-każ tar-raġel li miet fl-aħħar ħin

Gauci kkonfermat li fl-aħħar 24 siegħa raġel ta' 56 sena li kien pożittiv bil-COVID-19 tilef ħajtu.

Spjegat kif dan ir-raġel kien ibati b'diversi kundizzjonijiet mediċi oħra tant li kien rikoverat f'Mater Dei biex jingħata l-kura għalihom. Fil-fatt, dan ir-raġel ma kellux is-sintomi relatati mal-COVID-19 jew sintomi respiratorji u propju għalhekk li ma kienx fl-ITU jew fuq ventilator.

Kif spjegat din il-ġimgħa, Gauci qalet li ma jfissirx li persuna li jkollha l-COVID-19 tkun mietet kawża tal-virus.

Spjegat li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tkun mietet minħabba kundizzjonijiet oħra jew inkella sitwazzjoni fejn il-COVID-19 tkun tkompli aggravat is-sitwazzjoni tal-pazjent.

Qalet li l-awtoritajiet Maltin jimxu mal-pariri li jingħataw mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa dwar ir-rapurtaġġ u għalhekk kwalunkwe persuna li tmur waqt li kienet pożittiva bil-virus, trid tkun iddikjarata.

Gauci tat rendikont tal-erba' każi tal-bieraħ:

  • Maltija ta' 33 sena. Ir-raġel tagħha ħareġ pożittiv fl-aħħar jiem. Hija kienet fi kwarantina.
  • Żewġ ħaddiema tas-saħħa f'Karin Grech. Kienu kuntatt ta' żewġ carers oħrajn li ħarġu pożittivi. Waħda minnhom għandna 33 sena u ma kellha l-ebda sintomi. L-oħra għandha 32 sena u kellha xi sintomi fl-aħħar jiem.
  • Maltija ta' 53 sena li kellha l-maġġoranza tas-sintomi relatati mal-COVID-19. Qed tinżamm id-dar.

Pazjent jiddaħħal fl-ITU

  • 13 persuni fl-isptar Boffa
  • 6 persuni fl-isptar St. Thomas
  • 6 persuni f'Mater Dei, fosthom persuna li matul il-lejl li għadda ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva
  • Il-pazjent li kien qed jinżamm fl-isptar Mount Carmel intbagħat id-dar

More in Politika