Tobba, infermiera u diversi ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa ngħaqdu f’appell biex il-Gvern jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu li minn għada jinfetħu r-ristoranti u l-hairdressers u dan hekk kif għat-tieni ġurnata konsekuttiva Malta rreġistrat 15-il każ ġdid ta’ COVID-19 li jsegwu ġranet oħra fejn l-għadd tal-każi ġodda ma kienx wieħed żgħir.
It-tobba u l-infermiera u anke l-UĦM, li tirrappreżenta diversi professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa, saħqu li ż-żieda fin-numri fl-aħħar jiem juri li ma għadux sigur li jkunu rrilaxxati aktar miżuri u għalhekk appellaw lill-Gvern biex jipposponi l-miżuri bi ħmistax.
"15-il każ f'Malta huma ekwivalenti għal 2,000 każ fl-Italja," kompliet tisħaq li l-istqarrija konġunta.
Il-ħaddiema tas-saħħa saħqu li t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet tinsab wara l-bieb.
F'kummenti ma' The Times of Malta, kemm Martin Balzan, mill-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta t-tobba u anke Paul Pace, mill-Unjin li tirrappreżenta lill-Infermiera u l-Qwiebel, saħqu li bl-għadd tal-każi li qed jiżdiedu, mhuwiex iż-żmien opportun biex jiġu rrilaxxati aktar miżuri u jinfetħu r-ristoranti, fost oħrajn.
Preżentament Malta għandha 125 każ attiv ta' COVID-19, bl-għadd ta' każi attivi jiżdied b'mod sostanzjali fl-aħħar ġimgħa.