L-MUMN bi twissijiet iebsa kontra l-ftuħ tal-ajruport u titlob lill-Prim Ministru jikkunsidra sew

L-Unjin tal-infermiera tgħid li jkun żball kbir li jinfetaħ l-ajruport dan is-sajf u tinsisti li dan ikun ifisser biss it-tieni mewġa ta' Covid-19

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fi stqarrija appellat lill-Gvern biex jinsa kull tip ta' sajf din is-sena u sostniet illi bosta membri tagħha qed jersqu għandha rrabjati għall-istqarrijiet tal-Ministru Julia Farrugia Portelli dwar il-possibilità tal-ftuħ tal-ajruport għas-sajf, jisħqu li din hija miżura "purament politika li jista' jkollha riperkussjonijiet kbar."

"Huwa fl-interess tal-ħaddiema tas-saħħa u dawk kollha li jinsabu fuq quddiem f'din il-ġlieda li l-Prim Ministru jikkunsidra sew kull tip ta' turiżmu f'dan l-istadju bikri," tgħid l-istqarrija li ssejjaħ il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport bħala "żball kbir". 

L-MUMN  fakkret lill-Prim Ministru illi ftit eluf ta' turisti li se jaslu hawn mhumiex se jsolvu l-problema ta' ekonomija dgħajfa, "imma jkunu biss katalist għat-tieni mewġa ta' Coronavirus f'Malta."  L-unjin fakkret lill-PM illi saru diversi appelli anke mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) illi l-ftuħ tal-ajruporti mhijiex miżura bbażata fuq ix-xjenza imma biss fuq il-politika u pressjoni pubblika.

Il-unjin fakkret fis-sagrifiċċju li kienu u għadhom qed jagħmlu diversi nies, speċjalment l-anzjani u qalet illi dan kollu jista' jintilef jekk jinfetaħ l-ajruport.  "Qabel jiftaħ kwalunkwe tip ta' turiżmu jeħtieġ li jsiru aktar miżuri u jsiru aktar testijiet - bl-ikbar sfidi jibqgħu attivitajiet tal-massa bħal tiġijiet, parties barijiet, discos u aktar.

"M'għandniex neħduha for granted," tgħid l-MUMN li mbagħad tistaqsi lill-Prim Ministru:  "lest titfa' l-ħajjiet f'riskju?"

More in Politika