'Se niddeċiedi fil-jiem li ġejjin' - L-Ispettur Robert Vella dwar is-sejħa għall-Kummissarju

L-Ispettur Vella ilu 12-il sena Spettur u kien ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Police Association

Is-sit illum.com.mt jista' jiżvela li uffiċjal ieħor fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, li diversi qed iħeġġuh biex japplika għall-Kummissarju, huwa l-Ispettur Robert Vella.

Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma' Vella li la ċaħad iżda lanqas ikkonferma li se jitfa' ismu. Qal biss li qed jikkunsidra u li se jkun qed jieħu d-deċiżjoni fil-jiem li ġejjin u dan hekk kif is-sejħa pubblika se tkun qed tagħlaq nhar it-Tnejn 11 ta' Mejju.

Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit saħqu li l-Ispettur Vella huwa magħruf għall-integrità tiegħu u huwa rrispettat miż-żewġ partiti.

Vella ilu 12-il sena Spettur tal-Pulizija u kien ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Police Association.

Dan is-sit jinsab infurmat li wara l-investigazzjoni dwar is-sahra tal-Pulizija tat-Traffiku, li waslet biex 36 uffiċjal jinsabu fuq police bail, l-istess Spettur tqabbad jieħu ħsieb dak kollu li għandu x'jaqsam mas-sahra u l-off-duty tal-Pulizija. Fil-fatt, hu mifhum, li se jkun qed jitwaqqaf uffiċċju apposta għal dan il-għan.

Apparti minn hekk, l-Ispettur Vella huwa magħruf għall-fatt li f'idejh ikollu s-sigurtà ta' attivitajiet kbar tal-massa, partikolarment dawk sportivi, fl-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali.

Xi żvelat ilbieraħ il-gazzetta ILLUM?

Intant, ilbieraħ il-gazzetta ILLUM żvelat kif fil-kurituri tad-Depot qed jissemma ħafna wkoll isem Angelo Gafà li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija.

Meta kkuntattjat minn dan is-sit, Gafà la ċaħad iżda lanqas ikkonferma din l-informazzjoni.

Il-gazzetta ILLUM għamlet ukoll kuntatt mal-Ispettur Sandro Camilleri li saħaq li qed jirċievi ammont ta’ messaġġi, inkluż minn membri tal-Korp u anke persuni oħra li ma jafhomx, biex iħeġġuh japplika għall-Kummissarju u insista li qed jikkunsidra serjament.

Madanakollu, sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kkritikaw diversi aspetti tas-sejħa, fosthom għax l-applikanti qed jintalbu jippreżentaw viżjoni għall-Korp, meta dan suppost huwa d-dover tal-Police Governance Board.

Sorsi oħra lmentaw dwar punti oħra tas-sejħa, fosthom dwar il-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija se jkun suġġett għal probation ta’ sena, punt li kkritikat ukoll l-Oppożizzjoni, bil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jistaqsi taħt min se tkun il-probation u x’se jkunu l-kundizzjonijiet tagħha. 

Uffiċjal  fi ħdan il-Korp tal-Pulizija saħaq kif filwaqt li jaqbel li għandu jkun hemm terminu għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, insista li ma jistax jifhem kif persuna li ilha snin fil-Korp tal-Pulizija, jekk issir Kummissarju, se titpoġġa fuq probation ta’ sena. 

“Mhu qed issir l-ebda distinzjoni bejn min dieħel minn barra u min ġej minn ġewwa,” insista dan l-uffiċjal.

X’tgħid is-sejħa għall-Kummissarju?

  1. Min jintagħżel se jidħol fil-kariga għal 48 xahar
  2. Min jintagħżel se jkollu probation għal sena
  3. Irid juru li kapaċi jmexxi trasforazzjoni fil-Korp tal-Pulizija u għandu l-ħiliet li jnaqqas il-kriminalità
  4. L-applikanti jridu jpoġġu għal psychometric test
  5. L-applikanti jridu jippreżentaw dokument ta’ 300 kelma u li fih jispjegaw għalxiex huma kkwalifikati
  6. L-applikanti jridu jippreżentaw pjan ta’ erba’ snin dwar il-viżjoni tagħhom għall-Korp

Kif se jintagħżel il-Kummissarju l-ġdid?

  • L-applikanti jpoġġu għal psychometric test
  • Wara jsiru ‘extended interview’ u interview ieħor individwali mal-kandidati
  • Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tassessja l-kandidati u tagħżel tnejn minnhom
  • Dawn iż-żewġ ismijiet se jmorru quddiem il-Kabinett li jinforma lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija liema jaħseb li huwa l-kandidat ideali
  • Il-Ministru jirreferi lill-kandidat identifikat għal smigħ quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi (PAC)
  • Jekk il-PAC jaqbel li l-kandidat ikun ideali, il-Prim Ministru, wara li jikkonsulta mal-istess Kumitat, jagħżlu bħala Kummissarju.

More in Politika