Il-lukanda f'Għawdex li qed tilqa' l-anzjani hija konformi mal-liċenzja; Isiru xi rakkomandazzjonijiet

L-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali se tkun qed terġa’ żżur il-lukanda biex tassigura li r-rakkomandazzjonijiet tagħha ġew implimentati

Minn investigazzjoni li saret mill-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali saħqet li l-lukanda fir-Rabat Għawdex li qed tilqa’ l-anzjani li kienu fis-Sala Sant’Anna fl-isptar t’Għawdex hija adegwata u f’konformità mal-liċenzja t’emerġenza li nħarġet.

L-investigazzjoni saret wara talba li għamel il-Professur Arnold Cassola wara diversi rapporti u lmenti li l-lukanda mhijiex adegwata.

Fost oħrajn, l-investigazzjoni sabet li l-kmamar jistgħu jakkomodaw 2 persuni, is-siġġu tar-roti jista’ jimmanuvra fil-kurituri, il-mediċina qed tkun maħżuna b’mod sigur, u l-professjonisti tas-saħħa qed jipprovdu l-istess livell ta’ kura bħal dak fis-Sala Sant’Anna.

Madanakollu l-Awtorità qed tirrakkomanda li l-anzjani jkollhom aktar kommunikazzjoni, permezz ta’ video calls, mal-qraba tagħhom waqt li saħqet li dan ukoll iserraħ ras il-familji tal-anzjani.

Irrakomandat ukoll li jkun hemm programm ta’ attivitajiet għall-anzjani u li kull anzjan ikollu biżżejjed spazju fejn ipoġġu l-affarijiet personali tiegħu.

L-Awtorità se tkun qed terġa’ żżur il-lukanda biex tassigura li r-rakkomandazzjonijiet tagħha qed jiġu milqugħa u lesta tieħu passi jekk ma jitteħdux dawn il-miżuri li minnhom jistgħu jgawdu l-anzjani.

L-anzjani ġew trasferiti f’din il-lukanda bil-għan li s-sodod fir-residenza Sant’Anna, li hija parti mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jintużaw għall-pazjenti bil-COVID-19, f’każ li jkun hemm bżonn.

More in Politika