Il-bdoti bi protest ġudizzjarju kontra l-Air Malta biex ma twaqqfilhomx l-impjieg

L-ALPA qed iżomm lill-kumpanija responsabbli minn kwalunke telf li l-membri tagħha jistgħu jsofru

Il-bdoti tal-linja nazzjonali tal-ajru fetħu protest ġudizzjarju bil-għan li jwaqqfu lill-Air Malta milli twaqqaf l-impjiegi tagħhom.

Il-protest ġudizzjarju tressaq illum mill-Unjin li tirrappreżenta lill-bdoti, l-ALPA, u li permezz tiegħu qed iżomm lill-kumpanija responsabbli minn kwalunke telf li l-membri tagħha jistgħu jsofru.

L-ALPA qed takkuża wkoll lill-Air Malta li falliet milli tiddjaloga magħha dwar it-tnaqqis fil-pagi tal-bdoti bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tnaqqas l-ispejjeż f’dan iż-żmien meta t-titjiriet kollha, ħlief għal xi wħud, jinsabu wieqfa.

Akkużat ukoll lil-linja tal-ajru li qed tfalli milli tonora l-obbligi legali tagħha fil-mod kif dawn il-miżuri tħabbru.

L-ALPA qalet li tinsab infurmata li l-Air Malta riedet tittermina l-impjieg ta’ 108 bdot u żżomm biss 26, liema tmiem tal-impjieg kellu jidħol fis-seħħ għada.

Il-Linja tal-Ajru u anke l-Unjin jinsabu maqbuda f’battibekk bejniethom wara li l-bdoti rrifjutaw li jaċċettaw paga ta’ €1,200 fix-xahar bħala parti mill-pjan tal-Air Malta biex tnaqqas l-ispejjeż.

Kaptan tal-Air Malta jaqla' €140,000 fis-sena filwaqt li l-bdoti jaqilgħu €80,000. 

Il-protest ġudizzjajru, kontra l-Air Malta u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li huwa responsabbli mil-linja tal-ajru, kien iffirmat mill-Avukat Andre Portelli.

Aqra wkoll:

'M'intomx speċjali' - L-Air Malta lill-piloti hekk kif dawn ma jaċċettawx tnaqqis drastiku fil-paga

More in Politika