'M'intomx speċjali' - L-Air Malta lill-piloti hekk kif dawn ma jaċċettawx tnaqqis drastiku fil-paga

L-Air Malta tgħid li l-piloti m'għandhomx iħossuhom intitolati jitħallsu aktar minn impjegati oħra, bħalissa

Fi stqarrija l-Air Malta insistiet li l-piloti m'għandhomx iħossu li huma intitolati li jitħallsu aktar minn impjegati oħra, "f’sitwazzjoni fejn il-membri tagħha jkunu d-dar mingħajr xejn xogħol u l-kumpanija qed tiffaċċja tbatija ekonomika ... L-Air Malta hija responsabbli biex tissalvagwardja l-impjegati kollha tagħha u għalhekk ma’ tistax tippreferi taqsima waħda fuq oħra."

L-Air Malta qalet dan fid-dawl ta' diżgwid u nuqqas ta' ftehim bejn l-Air Malta u l-piloti biex dawn jaċċettaw tnaqqis drastiku fil-paga tagħhom hekk kif bħalissa l-linja nazzjonali tinsab milquta ħażin ħafna mill-kriżi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, minħabba li mhux qed topera għajr għal xi titjiriet ta' ripatrijazzjoni.

Is-sit Maltatoday kien irrapporta kif l-Air Malta kienet bagħtet ittra illi fiha talbet lill-piloti jaċċettaw paga ta' €1,200 fix-xahar, talba li dawn ma aċċettawx permezz tal-unjin tagħhom. Kaptan tal-Airmalta jaqla' €140,000 fis-sena filwaqt li l-piloti jaqilgħu €80,000. 

Sussegwentement l-Air Malta ħabbret li se tkun qed tneħħi minn magħha 108 mill-134 pilota u 284 ħaddiema tal-Ekwipaġġ minn 333. 

Illum, fi stqarrija l-Air Malta, f'referenza għal ittra li ntbagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Silvio Schembri, innotat li kien ikun aħjar li "l-ALPA l-ewwel poġġiet madwar il-mejda mal-kumpanija biex tiddiskuti l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-pandemija fuq il-Linja tal-Ajru."  L-Air Malta enfassizzat il-fatt li baqa' ma ntlaħaqx qbil mal-ALPA, li skontha jkun "sostenibbli u li kien jissalvagwardja l-impjieg tal-membri tagħha."

L-Air Malta ddeskriviet din l-ittra bħala "attentat ta’ turija tal-forza" u sejħitilha "xokkanti".  "Fi żminijiet ta' kriżi huwa naturali li l-partijiet interessati kollha għandhom jikkooperaw biex jissalvagwardjaw is-sopravivenza u l-vijabbiltà fit-tul tal-Linja tal-Ajru, u mhux l-interess personali."

Dan mhuwiex l-ewwel diżgwid bejn l-Air Malta u l-piloti, bl-aħħar battibekk qabel dan ikun wara li l-Air Malta fetħet mandat ta' inibizzjoni kontra l-Alpa fuq azzjonijiet industrijali li din kienet se tieħu u li l-linja nazzjonali tal-ajru qalet illi kienu illegali. 
 

More in Politika