Il-Gvern se jdaħħal Malta dgħajsa bl-immigranti 'fis-sigħat li ġejjin' ... imma jgħid li daqshekk tħallew

Dgħajsa bl-immigranti se titħalla tidħol Malta imma l-Gvern jindika li wara din, daqshekk

Fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed isegwu dgħajsa b’immigranti rregolari fuqha, li kienet fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ Maltija. Din id-dgħajsa kienet ilha tiġi segwita għal diversi sigħat.

"Dawn l-immigranti se jkollhom jiddaħħlu pajjiżna fis-sigħat li ġejjin, u ser jinżammu f’detenzjoni." tgħid l-istqarrija tal-Gvern li iżda fl-ebda ħin ma tgħid kemm fil-fatt deħlin immigranti. 

Minkejja dan il-Gvern iċċara illi fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19 mhux se jkunu permessi żbarki f’pajjiżna ta’ immigranti rregolari, kemm minn għaqdiet non-governattivi kif ukoll minn kull opra tal-baħar jew bastiment ieħor. Kif lanqas ser jiġu garantiti xi riżorsi għall-fini ta’ assistenza lil immigranti rregolari fuq kwalunkwe opra tal-baħar jew bastiment.

Il-Gvern Malti fi stqarrija qal li kkomunika li ma jinsabx f’pożizzjoni li jiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti irregolari tal-massa, li jkunu abbord kwalunkwe opra tal-baħar u bastimenti.

"Dan qed jiġi kkomunikat fost oħrajn sabiex immigranti li għandhom intenzjoni jivjaġġaw lejn Malta jkunu konxji tar-riskji li qegħdin ipoġġu ħajjithom fihom."

Intant il-Gvern fakkar ukoll li matul l-aħħar xhur u snin, Malta kienet taħt pressjoni "sproporzjonata" ta’ wasliet ta’ immigranti, u rċeviet ftit li xejn għajnuna tanġibbli. Tul is-snin xorta ġew salvati eluf ta’ ħajjiet.

"Ġaladarba s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddikjarat emerġenza għas-saħħa pubblika, il-Gvern iddeċieda li aktar żbarki ta’ immigranti rregolari f’pajjiżna, li jistgħu jkunu wkoll infettati bil-virus, jippreġudikaw serjament il-ħidma kollha li qed issir kontra l-imxija ta’ dan il-virus, filwaqt li l-awtoritajiet Maltin mhumiex f’pożizzjoni li joffru post sigur lil dawn l-immigranti, f’perjodu ta’ sfida kbira speċjalment fil-qasam tas-saħħa, l-infurzar tal-liġi u ċ-ċentri tal-immigranti. Is-sitwazzjoni llum il-ġurnata titlob li r-riżorsi lokali kollha inkluż il-Forzi Armati jibqgħu l-ħin kollu ffukati fil-ġlieda kontra din l-imxija tal-virus."

More in Politika