Għat-tieni ġurnata 17-il persuna jirriżultaw pożittiv għall-coronavirus f'Malta; Total ta' 107 każi

Charmaine Gauci tappella biex il-poplu jaddatta għax fi kliemha din hija "sitwazzjoni li se ddum ftit"

Fl-aħħar 24 siegħa, 17-il persuna rriżultat pożittiva għall-coronavirus f'Malta, biex issa t-total tal-każi tela' għal 107.

Ħabbret dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, waqt l-aġġornament li qed tagħmel ta' kuljum dwar is-sitwazzjoni f'Malta, fejn spjegat li l-maġġoranza tal-każi, jiġifieri għaxra, għadhom marbuta mas-safar, filwaqt li sebgħa huma każijiet ta' trasmissjoni lokali.

"Nistennew li dan in-numru dejjem jibqa' tiela'. L-għan tagħna huwa li dejjem nikkontrollawh bl-għajnuna tal-miżuri li qed nieħdu u bl-għajnuna li tagħtu intom fil-mezzi tal-kontroll u billi ssegwu l-pariri u l-liġijiet li qed noħorġu," saħqet Gauci.

Tenniet l-appel tagħha biex kemm jista' jkun in-nies ma joħorġux, speċjalment l-anzjani. Appellat biex kemm possibbli, in-nies iżommu d-distanza minn xulxin u propju għalhekk li twaqqfu l-laqgħat kollha organizzati.

Appellat ukoll għax-xogħol mid-dar filwaqt li ħeġġet lil min iħaddem biex fejn possibbli, jippermetti lill-ħaddiema tiegħu jaħdmu mid-dar.

"L-istrateġija tagħna hija li kemm jista' jkun nidentifikaw il-każi kemm jista' jkun kmieni u jkun hemm ukoll il-contact tracing u dawn il-persuni jitpoġġew f'iżolament u fi kwarantina. In-numru ta' testijiet li saru f'Malta huwa kbir ħafna meta wieħed iqabblu mal-proporzjon tal-popolazzjoni," spjegat Gauci.

Fil-fatt, b'kollox, sa issa, saru 3,099 test.

X'inhi l-kundizzjoni tal-pazjenti?

Għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Charmaine Gauci spjegat kif l-anzjan li jinsab rikoverat fl-ITU, għax inqalgħu xi kumplikazzjonijiet, jinsab f'qagħda tajba, l-istess kif inhuma l-pazjenti l-oħra kollha.

Ikkonfermat li sa issa, minn dawn il-107 każi, għad ma hemm l-ebda pazjent ieħor li fieq għal kollox, ħlief dawk iż-żewġ pazjenti li dwarhom ingħatat l-informazzjoni l-ġimgħa li għaddiet.

Każijiet relatati mas-safar

  • Maltija ta' 61 sena. Kellha kuntatt ma grupp ta' persuni relatat ma' safar
  • Malti ta' 19-il sena. Siefer fit-tramunatana tal-Italja. Kien fi kwarantina
  • Maltija ta' 56 sena. Siefret l-Ingilterra. Ma kellix kuntatti ma' persuni oħra ħlief żewġ membri tal-familja
  • Ingliż ta' 56 sena. Siefet l-Ingilterra. Kien bis-sintomi fuq it-tijira u għalhekk għaddej il-contact tracing mal-passiġġiera
  • Koppja, Maltija ta' 32 sena u Taljan ta' 30 sena. Siefru Madrid
  • Malti ta' 28 sena. Jgħix l-Ingilterra iżda ġie lura Malta. Il-persuna kien fi kwarantina. Għaddej il-contact tracing mal-passiġġiera
  • Irlandiża ta' 60 sena. Siefret f'diversi postijiet. Il-mara kienet fi kwarantina mandatorja
  • Malti ta' 56 sena. Ma sifirx iżda kellu kuntatt fuq il-post tax-xogħol ma' persuna li kien imsiefer. Kien identifikat mill-contact tracing
  • Malti ta' 40 sena. Kellu kuntatt ma' żewġ każijiet li kienu pożittivi fil-familja tiegħu u li kienu relatati mas-safar

Trasmissjoni lokali

  • Ħaddiema tas-saħħa ta 32 sena. Fil-contact tracing ġew identifikati żewġ membri tal-familja u anke kollegi għax ġurnata qabel ħarġu s-sintomi kienet ix-xogħol
  • Malti ta' 34 sena. Beda jaqta' nifsu u kellu uġigħ fi griżmejh. Beda contact tracing mal-familjari u l-kollegi. Ġieli jkollu kuntatti ma' barranin
  • Ukrena ta' 38 sena. Tkun f'kuntatt regolari ma' barranin fuq il-post tax-xogħol
  • Maltija ta' 52 sena. Ma kellha kuntatt mal-ebda persuna li kellha s-sintomi. Qed isir contact tracing mal-kollegi u l-qraba
  • Grupp ta' tliet persuni: Tfajla ta' 14-il sena, mara ta' 49 sena u żagħżugħ ta' 21 sena. Kienu identifikati mill-contact tracing b'rabta ma' pazjent li rriżulta pożittiv u li ma kienx relatat mas-safar

More in Politika