Central Link | Għaqda Siġar Maltin tikkundanna l-qerda ta' għadd ta' siġar tal-lewż

Bħas-soltu, il-pubbliku u l-ambjent jitilfu filwaqt li l-aġenzija tkompli għaddejja mingħajr skrutinju nsistiet l-għaqda

Għaqda Siġar Maltin ħarġet stqarrija biex fiha turi t-tħassib tagħha dwar ammont ta’ siġar protetti tal-lewż li nqalgħu minħabba l-proġett tas-Central Link u minkejja li kellhom jiġu mħawla bnadi oħra, dawn ġew mormija.

Fi stqarrija, l-Għaqda għamlet referenza għal diversi rapporti, inkluż fuq MaltaToday li tkellmu dwar il-permess maħruġ mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent, fosthom biex ix-xogħlijiet ma jibdewx qabel mal-appell ikun mismugħ.

Madanakollu, l-Għaqda Siġar Maltin insistiet li Infrastructure Malta għamlet ta’ rasha u bdiet ix-xogħlijiet “apparentament wara li talbet tibdil fil-permess oriġinali.”

Fakkret li l-eNGOs u r-residenti li appellaw fetħu wkoll protest ġudizzjarju kontra l-ERA li fih qed iżommu lill-Awtorità responsabbli li ma mxietx mar-regolamenti ambjentali u anke kissret it-termini tal-permess li ħarġet hi stess.

Issa, tkompli tisħaq l-Għaqda, sar magħruf li siġar li kellhom jinżergħu bnadi oħra, spiċċaw vittmi wkoll bi-permess ikun innegozjat wara l-bibien magħluqa.

“Kwalunkwe multa imposta fuq Infrastructure Malta se titħallas mit-taxxi tan-nies,” saħqet l-istqarrija. “Bħas-soltu, il-pubbliku u l-ambjent jitilfu filwaqt li l-aġenzija tkompli għaddejja mingħajr skrutinju.”

More in Politika