Dawk li jappoġġjawh iridu ‘jibnu mill-ġdid’ u PM rett u b’esperjenza. Imma hekk iridu l-Laburisti?

 Ħarsa analitika lejn attività ta’ Chris Fearne fiż-Żejtun. L-użu tal-esperjenza u l-integrità minn dawk li jappoġġjawh u l-appell għas-soċjaliżmu u l-anedotti min-naħa tiegħu

 L-elezzjoni għal Mexxej Laburista u Prim Ministru ġdid issa qabdet rittmu u wasalna fl-aħħar ġimgħa. 

Illum din il-gazzetta tagħti ħarsa lejn l-attività li għamel Chris Fearne ġimgħa ilu fiż-Żejtun u tanalizza dak li qal hu kif ukoll dak illi qalu persuni illi f’din l-attività partikolari tawh appoġġ. 

‘L-esperjenza’  - Tappa importanti fil-messaġġ ta’ Fearne

Definittivament l-aktar punt importanti u l-aktar punt li kien issottolineat mill-kelliema ta’ qabel Fearne kienet l-esperjenza. Kemm l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono kif ukoll il-Ministri Carmelo Abela u Owen Bonnici saħqu illi parti mir-raġuni għalfejn Fearne għandu jsir Prim Ministru huwa minħabba li huwa politiku li għandu esperjenza kemm fil-partit kif ukoll fit-tmexxija tal-pajjiż. 

L-esperjenza ma timplikax biss iż-żmien imma timplika wkoll għarfien ta’ kif jaħdem il-Gvern u kif taħdem il-magna tiegħu kif ukoll x’inhuma l-bżonnijiet u l-katratteristiċi ta’ kull Ministru. 

Owen Bonnici spjega dan f’argument partikolari u pjuttost konvinċenti, jiġifieri li min se jkun elett Prim Ministru mhux se jkollu perjodu ta’ qamar il-għasel imma jrid jibda jaħdem mill-ewwel u jiggverna mill-ewwel. Bonnici sostna illi fid-dawl ta’ dan hija l-esperjenza l-aktar illi hija neċessarja. 

U vera! Ngħiduha kif inhi. Fit-13 ta’ Jannar min se jinħatar Prim Ministru se jkollu quddiemu lista twila ta’ obbligi leġiżlattivi  kif ukoll li jġib pajjiżna lura għan-normalità. Bla dubju se jkun hemm ukoll numru ta’ riformi xi jsiru kemm fil-Partit Laburista u anke fil-pajjiż. 

Jekk il-kontinwità li Neville Gafà qal li għandu jadotta l-partit se tfisser illi kemm hu kif ukoll il-Gvern jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn, jista’ jkun li l-problemi jikbru mhux jiċkienu u aktar nies moderati jħossuhom aljenati mill-partit. 

Din tal-esperjenza jaf tilgħab tajjeb ma’ elettorat (il-membri tal-PL) li ma tantx għandu xi burdata kbira għal xi ħadd meqjus ġdid u li jridu illi akkost ta’ kollox dak li ġara ma jerġax iseħħ. 

‘Nibnu mill-ġdid’ 

Miriam Spiteri Debono użat l-islogan ta’ Karmenu Mifsud Bonnici ħin minnhom meta qalet ‘Nibnu mill-ġdid’ li kien il-messaġġ tal-Malta Labour Party fl-1992. 

Minkejja li dan it-tip ta’ diskors jista’ jinżel għasel u anke jekk forsi l-elettorat inkwistjoni m’għandux il-burdata biex jerġa’ jgħaddi mill-istess burraxka, kemm Fearne u anke n-nies li qed jappoġġjawh iridu joqogħdu attenti li ma jidhrux illi jridu jarmu l-legat ta’ Muscat u ‘jibdew mill-ġdid’. Bħal donnu ta’ Muscat huwa qadim u jista’ jintrema u tiegħu ġdid. 

Fearne jindirizza dan billi fid-diskors tiegħu jsemmi lil Muscat; ‘Lil Joseph dejjem ħabbejnieh’, jgħid Fearne, konxju tal-fatt li huwa meqjus bħala bidla mill-preżent u sfida ċerta għal bosta nies li kienu fiċ-ċirku ta’ Keith Schembri et al. 

Realizzazzjoni tal-Laburisti – imma qed jaħsbu biżżejjed nies hekk?

Fid-diskorsi u l-attivitjiet ta’ Fearne jidher li hemm naqra ta’ kuntrast. Kuntrast bejn it-tifħir lejn Muscat, persunaġġ li jibqa’ maħbub, li bena prattikament kult madwaru u influwenti immens fil-PL u r-realizzazzjoni illi l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb. Dan jikkuntrasta wkoll ma’ wħud li kważi kważi qed jiċħdu li l-partit u anke l-pajjiż għaddejjin minn żmien ħażin. 

L-aktar ċara kienet Spiteri Debono lili kważi kważi, qalet illi qatt ma kellna każ ta’ korruzzjoni daqstant kbir filwaqt li qalet li dan huwa żmien ikrah. 

Il-Ministru Carmelo Abela saħansitra qal li l-pajjiż tabib għandu bżonn għax jagħraf il-marda u jaf kif irid ifejjaq. 

Imma hemm biżżejjed votanti Laburisti li se jivvutaw li jaħsbu li l-partit u l-pajjiż huwa marid u għandu bżonn fejqan? Jew se jinżel aħjar id-diskors li jirrifletti inqas sens ta’ urġenza ta’ Robert Abela? 

‘Integru u sod’ – L-oħrajn ma kinux ta’ integrità u sodi? 

Il-messaġġ ta’ dawk li tkellmu dakinhar fiż-Żejtun jirrifletti wkoll messaġġ ġenerali li qed jagħmlu bosta; “Chris Fearne huwa bniedem ta’ integrità u sod.”

Wieħed jistaqsi allura. Ladarba qed titpoġġa enerġija fuq il-bżonn ta’ xi ħadd integru u sod, il-messaġġ implikat huwa li t-tmexxija ta’ bħalissa mhijiex integra u soda? 

Hawnhekk ukoll Fearne u l-kampanja li qed imexxi qed jagħmlu ‘l-integrità’ tiegħu argument ieħor ċentrali. Dan fid-dawl tal-fehma illi fil-fatt persuni fit-tmexxija tal-Gvern preżenti ma kinux integri u/jew sodi biżżejjed. 

Kif diġà għidna, l-opinjoni ta’ din il-gazzetta hija illi hemm bżonn ta’ integrità, imma minkejja li l-kelma tista’ tkun sabiħa mhux kulħadd neċessarjament jixtieq l-integrità u li l-Mexxej ikun rett. 

Jekk is-sistema tkun retta jfisser li ħadd ma jaqbeż lil ħadd, li ħadd ma jingħata impjiegi li mhux ikkwalifikat fihom, li żgur ħadd ma jingħata preferenza għax Laburist, imma kollox imħaddem b’meritokrazija, li ma jsirux wegħdiet dwar impjiegi mal-Gvern jew ta’ permessi u li kollox isir skont dak li tiddetta l-liġi, xejn aktar u xejn anqas. 

Minkejja li sistema bħal din hija mixtieqa minn ħafna votanti, anke Laburisti, il-mistoqsija pertinenti tibqa’ jekk min se  jivvota u ħafna oħrajn magħhom verament iridux sistema li tippremja l-bżulija u l-kapaċità, qabel il-partit u waħda illi fiha n-nepotiżmu jiġi dilwit. 

Jekk jitla’ Fearne u vera jkun rett, bħalma kien ġeneralment rett l-eks PM Alfred Sant, hemmhekk niġġudikaw in-nies iridux din is-sistema jew le. 

Jagħfas fuq il-kariżma bl-anedotti. Imma effettiv? 

Fl-ewwel analiżi ta’ din il-gazzetta dwar il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista, kien innutat kif l-akbar problema ta’ Fearne hija li ma jispirax biżżejjed għax m’għandux dik il-kariżma li tiġbed biżżejjed nies lejh u li Muscat kellu bil-qabda. 

Fil-ġimgħat tal-kampanja kien ċar illi Fearne kien qed jipprova jagħmel tajjeb għal dan b’diversi inizjattivi bħal ‘belgħa te’ ma’ Fearne, fejn jidher rilassat u casual, jitkellem, jitbissem u jwieġeb mistoqsijiet innoċenti u ħelwin. Anke fiż-Żejtun, Fearne kien f’intervista ppreparata u f’ħin minnhom mistoqsi minn Paula Cauchi, li fil-fatt qed tappoġġjah, dwar il-kelb tiegħu. U minn hemmhekk smajna anedottu ħelu dwar kelb ta’ persuna bi sfidi ta’ saħħa mentali. 

Dan kollu huwa rrelevanti għall-karriera politika però hija importanti biex Fearne jibni immaġini ta’ persuna aktar amikevoli. 

Qed jirnexxilu? Sa ċertu punt iva, imma sfortunatament bid-dell ta’ Muscat, frisk fil-memorja kollettiva, hija diffiċli jekk mhux impossibbli li Fearne jkollu l-istess  kariżma li tiġbed il-mases. 

‘Soċjalist tar-ruħ soċjali’

M’hemmx dubju li Fearne qiegħed jipproġetta lilu nnifsu, kemm jista’ jkun bħala soċjalist. Xi ħaġa li fil-fatt anke Abela qed jagħmel. 

Dan qed isir għal raġuni prinċipali. Inbiegħet l-idea u l-perċezzjoni, korretta biss sa ċerta punt, li l-Gvern ta’ Muscat huwa l-aktar Gvern kapitalist li qatt kellha Malta. 

Dan huwa vera, sal-punt illi Muscat, issa qed naraw għad-detriment tiegħu u tal-partit, deher u kien wisq qrib l-akbar negozjanti, nies bla skrupli u nies oħrajn li dejjem kienu viċin il-poter biex igawdu. Deher li jiffavorixxi żżejjed lil nies bħal Sandro Chetcuti, stieden u qala’ rigali minn nies bħal Yorgen Fenech, ivvantaġġja b’qerq lil Gaffarena (anke jekk ħadhielu lura!), jidher li ftiehem ma’ tal-eks kafèpremiere, ta art daqshiex u agrikola lill-kuntratturi Sadeen, ipprova jagħmel klawsoli favorevoli għal tal-Corinthia, ta spartijiet lil kumpanija b’sid anonimu, deher qrib ħafna tad-DB, biddel liġijiet biex jinħolqu loopholes għal min ried ibiddel kamra tal-għodda jew stalla f’villa. Imma min-naħa l-oħra waqa’ lura fi proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u lis-Soċjalisti xellugin xi ftit jew wisq tahom il-ġenb jew ħeles minnhom b’xi promotion. 

Minkejja dan, ħafna miżuri baġitarji u anke t-twessigħ tal-benefiċċji, kif ukoll tnaqqis fil-faqar huma lkoll miżuri jew passi xellugin. 

Jidher iżda illi n-narattiva ta’ Gvern kapitalist u li biegħ ruħu, iktar għamlet effett fil-media u lil hinn.

U għalhekk din il-kompetizzjoni ta’ min se jidher l-aktar  Soċjalist u l-aktar xellugi u jitkellem l-aktar dwar il-faqar u t-trickle down effect, jiġifieri li l-ġid ta’ fuq jinżel ’l isfel. 

Fearne qed iwiegħed żieda fiċ-Children’s allowance u li anzjani ta’ aktar minn 80 sena jgawdu awtomatikament mill-benefiċċju tal-enerġija. 

Iżda hija r-relazzjoni li se jkollu ma’ dawk li se jorbitaw madwaru għall-interessi tagħhom, speċjalment il-multi miljunarji u n-negozjanti l-kbar, li se tħoll u torbot u tiddetermina jekk hux se jibni immaġini differenti jew simili għal dik ta’ Muscat. 

It-tnejn jidhru għall-kaċċa għal Manuel Cuschieri, mill-ġdid, turija ċara ta’ kemm iż-żewġ kandidati qed jimmiraw għall-għeruq u għal dawk ikkunsidrati aktar bħala n-nies li bnazzi jew maltemp dejjem kienu hemm għall-partit. 

More in Politika