L-editur maniġerjali tal-kumpanija MediaToday qal mal-BBC li dak li seħħ fl-aħħar jiem ixxokja lil diversi persuni, inkluż lil din il-kamra tal-aħbarijiet u kien għalhekk li insista li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jirriżenja fit-12 ta’ Jannar li ġej ma kinitx biżżejjed.
“Dak li seħħ mhuwiex inaċċettabbli,” insista Balzan waqt li fakkar fl-istejjer ippubblikati mill-MaltaToday dwar laqgħat tas-Servizzi Sigrieti li matulhom kien hemm preżenti wkoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri.
Fakkar li fi żmien li kienu qed isiru dawn il-laqgħat, Keith Schembri kien persuna viċin Yorgen Fenech, il-persuna li s-Servizzi Sigrieti kienu qed isegwu l-passi tiegħu u saħansitra kellu rabtiet mal-istess Fenech permezz tal-kumpanija f’Dubaj 17 Black.
“Dak li hu l-aktar xokkanti huwa l-fatt li s-Servizzi Sigrieti informaw lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri li Yorgen Fenech kien suspettat ewlieni,” fakkar Balzan. “Jekk iċ-Chief of Staff kien jaf għaliex ma informax lill-Prim Ministru b’dan il-kunflitt ta’ interess?”
Kien hawn li insista li l-Prim Ministru kien ilu jaf minn Novembru tal-2018 li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black u għalhekk staqsa għaliex ma keċċix minnufih lil Schembri.
‘Għaliex dan ma sarx, għalija dan mhux ċar,” saħaq Balzan.
Mistoqsi dwar il-fatt li ġieli kkritika lil Daphne Caruana Galizia, Balzan qal li hu kien jikkritika l-fatt li ġieli attakkat persuni b’mod personali, iżda waqt li insista li delitt jibqa’ delitt u li qatt ma jista’ jkun iġġustifikat, fakkar ukoll li kien hemm drabi fejn saħanistra qasmu stejjer flimkien, inkluż dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.