L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qiegħed jappella lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea biex jingħaqdu u jsejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Huwa indirizza din is-sejħa lill-President elett tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, lill-President tal-Kunsill tal-Ewropa Donald Tusk u lill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli.
“Għandna bżonn l-għajnuna tagħhom issa, qabel ikun tard wisq,” kiteb Busuttil waqt li appella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jintervjenu u “jsalvaw id-demokrazija f’Malta.”
Simon Busuttil għamel dan l-appell wara li lbieraħ Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff, Konrad Mizzi minn Ministru filwaqt li Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu.
Keith Schembri qed ikun interrogat mill-Pulizija u għadu qed jinżamm id-Depot. Mhux magħruf dwar xiex qed ikun interrogat Schembri.
Jidher li ismu ssemma minn Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, tul l-interrogazzjonijiet li sarulu.
Hu mifhum li Yorgen Fenech qed ikun interrogat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u anke dwar ħasil ta’ flus.