Pieter Omtzigt li huwa rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropea, f’kummenti ma’ The Guardian, qajjem “dubji serji” dwar l-investigazzjoni tal-Pulizija Maltija fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Meta kien qed jitkellem mal-ġurnal, fit-tieni anniversarju mill-mewt ta’ Caruana Galizia, Pieter Omtzigt saħansitra saħaq li l-awtoritajiet Maltin setgħu ma aċċettawx evidenza li setgħet tefgħet dawl fuq min seta’ kien il-moħħ wara l-qtil.
Fi kliemu anke jekk uffiċjali individwali qed jagħmlu l-almu tagħhom, il-Korp tal-Pulizija b’mod ġenerali u l-politiċi responsabbli minnu, mhux iżommu mal-wiegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-awtoritajiet se jagħmlu dak kollu possibbli biex isolvu l-każ.
Omtzigt għamel referenza għal rapporti fuq midja lokali u li sa issa għadhom ma ġewx approvati, li wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil, jiġifieri Vince Muscat, lest jagħti informazzjoni sensittiva.
Skont Omtzigt, sa issa, l-awtoritajiet Maltin għadhom ma qablux jekk titnaqqaslux is-sentenza jekk jikxef informazzjoni.
Omtzigt saħansitra saħaq li huwa mħasseb li la Vince Muscat, la l-avukat tiegħu u lanqas dawk involuti, ma ngħataw il-protezzjoni adegwata.
Huwa jkompli b’lista ta’ tħassib dwar il-każ, fost dawn saħaq li ma jistax jifhem kif il-Pulizija Maltija ma talbitx lill-Pulizija Ġermaniża għal informazzjoni mil-laptop ta’ Caruana Galizia.
Fakkar ukoll li l-eks Kap tal-Europol lmenta dwar nuqqas ta’ koperazzjoni mill-pulizija Maltija.
Omtizgt jgħid ukoll li minħabba l-interess tiegħu fil-każ spiċċa attakkat verbalment mill-Prim Ministru u anke rċieva theddid.
The Guardian saħqet li kemm l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u anke l-Pulizija rrifjutaw li jikkummentaw.