Se tirritorna tal-Linja l-antika? Il-Ministru jgħid li l-Gvern se jħares lejn trasport pubbliku aktar nadif

Il-Ministru għat-Trasport nieda l-kunċett tal-Malta Bus Reborn kunċett li jżewweġ ix-xarabanks l-antiki u l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku

Ilbieraħ, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg nieda l-kunċett tal-Malta Bus Reborn waqt attività mtella’ fi Pjazza Tritoni, fil-post fejn kien hemm il-venda l-antika tal-karozzi tal-linja. 

Il-kunċett, b’disinn tal-Perit Jonathan Mizzi minn Mizzi Studio jintroduċi karozza tal-linja li taħdem bl-elettriku filwaqt li jinkorpora bosta karatteristiċi mill-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin.

Il-Ministru Ian Borg saħaq li l-karozza tal-linja tradizzjonali tqanqal bosta memorji sbieħ, u li għalkemm it-trasport pubbliku ma kellux il-kumditajiet li għandu llum , xorta waħda jġib nostalġija kbira għall-Maltin.

“Fl-istess waqt irridu naċċettaw li d-dinja timxi ’l quddiem u jeħtieġ li nżommu l-pass mal-progress. Illum għandna servizz tat-trasport pubbliku li qed irendi ħafna u li jaqdi aktar minn 150,000 passiġġier kuljum, servizz li kien suġġett għal bosta riformi minn dan il-Gvern li wasslu għal riżultati pożittivi, fosthom żieda sostanzjali fl-użu tiegħu,” saħaq il-Ministru.

Il-Ministru saħaq li l-pass li jmiss huwa li l-Gvern iħares ‘il quddiem lejn aktar soluzzjonijiet filwaqt li naħdmu favur il-kunċett tas-sostennibilità.

“Issa jmiss li nħarsu lejn li jkollna karozzi tal-linja aktar nodfa favur arja aktar nadifa,” qal il-Ministru.

Kien hawn li l-Ministru saħaq meta ltaqa’ mal-Perit Mizzi u t-tim tiegħu fejn ippreżentaw il-kunċett, il-Ministeru ma setax ma jagħtix l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan id-disinn.

“Kunċett li jżewweġ dak li nħarsu lejh b’nostalġija kbira bħala Maltin u dak li qed inħarsu lejh għall-futur tagħna – is-sostennibilità, il-mezzi alternattivi, l-elettromobilità,” qal il-Ministru dwar dan il-proġett.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Jonathan Mizzi saħaq li l-karozzi tal-linja l-antiki kienu jwasslu tant kulur u anke ferħ fit-toroq tagħna għal kull kulur kien ifisser rotta differenti.                      

“L-istudio u jiena ħdimna bis-sħiħ matul seba’ snin biex niġbru l-essenza tal-flotta diversa tal-karozzi tal-linja u nqegħduha f’disinn wieħed li jgħaqqad l-aktar karatteristiċi ġenetiċi komuni tagħhom kollha filwaqt li jġonġi dan mal-aktar teknoloġija riċenti fit-trasport,” spjega l-Perit.

More in Politika