Id-Deputati Għawdxin tal-PN jakkużaw lil Gozo Channel li aġixxiet b'diżrispett lejn il-pubbliku

Huma kienu qed jirreferu għall-annullament tal-proċess tal-għażla għall-operatur tal-fast ferry

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-annullament tal-proċess tal-għażla għall-operatur tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex hija prova ta’ kemm it-tmexxija tal-Gozo Channel aġixxiet b'inkompetenza u diżrispett kbir lejn l-pubbliku u partikolarment lejn l-Għawdxin.

Qalu dan id-Deputati Għawdxin Nazzjonalisti Chris Said, Marthese Portelli, Frederick Azzopardi u anke Kevin Cutajar.

Fi stqarrija huma kienu qed jirreferu għall-fatt li aktar kmieni din il-ġimgħa, ġie annullat dan il-proċess tal-għażla mill-Public Contracts Review Board

“L-Oppożizzjoni kienet tistenna li jkun hemm proċess tal-għażla ferm aktar serju, bi kriterji preċiżi u fejn l-operatur li jintgħażel ikun jissodisfa tali kriterji. Dan hu dak li kellu u li għandu jsir biex is-servizz ta' fast ferry offrut ikun mill-aktar effiċjenti, sigur u wieħed li jiġġustifika prezzu,” saħaq il-PN.

Huma fakkru li l-fast ferry kienet wiegħda tal-PL sa mill-elezzjoni tal-2013 u li sa issa għadha ma twettqitx.

“Din tiżdied ma' lista ta' wegħdi oħra marbuta mal-konnettività tal-gżira Għawdxija, li l-Gvern Laburista għamel u li dwarhom ma żammx kelmtu. Fost l-oħrajn, wieħed isemmi l-air link, yacht marina u cruise liner terminal,” insista l-Partit Nazzjonalista.

Dwar ir-raba’ vapur, il-PN saħaq li l-Gvern ħa inizjattiva wara karba twila minn kulħadd.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-vapur ħalla effetti pożittivi fuq l-operat, insista li “mhux aċċessibbli u komdu daqs l-oħrajn.”

“Minn Gvern Laburista li jgħid li għandu għal qalbu l-interess ta' Għawdex u l-ħtiġijiet tagħha, żgur li wieħed jistenna ferm u ferm aħjar,” temmew jisħqu d-Deputati

More in Politika