Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilejla ppubblika korrispondenza li bagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn qal illi l-Oppożizzjoni tinsab ippreparata li l-Parlament ma jaġġornax għad-data li diġà tħabbret, dik tas-7 ta' Ottubru 2019, u minflok jibqa' jiltaqa' matul il-jiem u l-ġimgħat li ġejjin sabiex il-Kamra tkun tista' tiddiskuti u tivvota dwar mozzjoni jew liġi li tistabbilixxi l-ħatra ta' inkjesta pubblika u indipendenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Kien il-Ministru Carmelo Abela li ħabbar il-ġimgħa l-oħra li l-Gvern se jkun qed isejjaħ inkjesta pubblika, li tmur lilhinn minn dik tal-Pulizija u li tistabbilixxi diversi fatturi oħrajn, bħas-sigurtà li kellha magħha (sakemm irrifjutat li jibqa' jkollha) Daphne Caruana Galizia.