L-eks Kandidat u għal żmien wieħed mill-uċuħ il-ġodda tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll intraprenditur Ivan Bartolo sostna illi l-PN huwa hijacked minn "nuqqas ta' struttura, nuqqas ta' tolleranza u rispett u egos kbar."
F'artiklu ppublikat fuq The Times illum Bartolo sostna illi meta kien preżenti fil-laqgħa tal-Eżekuttiv ta' nhar is-Sibt li għadda, wasal għall-konklużjoni li t-tmexxija tal-PN qed taħli ħin imprezzabbli "tippretendi illi kollox ward u żahar."
"Il-hijackers mhux qed jirrealizzaw illi saru theddida serja għad-demokrazija f'pajjiżna," sostna l-eks Kandidat. "Minn dak li rajt nhar is-Sibt huwa ċar illi l-partit għandu bżonn bidu ġdid. U malajr ukoll. Għandu bżonn Kap caretaker b'mandat għat-tnedija mill-ġdid tal-PN bi programm mibni fuq strateġiji definiti.
"Jiddispjaċini ngħid illi l-istatus quo preżenti adottata mi-tmexxija tal-PN mhix se tagħti riżultati," qal Bartolo.
L-inkwiet fil-PN beda, kif mistenni, wara żewġ telfiet kbar għall-partit - l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'distakk ta' 43,000 vot u l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, b'distakk ta' 47,000 vot. Imma grava bil-vot tal-co-option fil-Parlament, bir-riżultat favur Jean Pierre Debono dikjarat null, protest fil-Qorti minn Nazzjonalisti kontra l-PN u finalment it-tħabbira ta' Debono illi mhux se jieħu s-siġġu Parlamentari li rebaħ.