'Joseph Muscat ma jridx jaċċetta li din mhijiex elezzjoni dwaru' - Delia

Adrian Delia jisħaq li s-suċċess li qed jiftaħar bih Joseph Muscat huwa riżultat tal-fondi li kiseb il-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia insista li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jridx jaċċetta li din mhijiex elezzjoni dwaru, iżda elezzjoni dwar min hu l-aktar kapaċi li jwassal il-leħen tal-poplu fl-Unjoni Ewropea.

Delia qal dan dalgħodu waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Għargħur bħala parti mill-kampanja għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju li ġej.

Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia insista li Joseph Muscat ma jemminx fil-kandidati tiegħu, għax kieku ma jibqax jinsisti li din hija elezzjoni dwaru.

“Ma jridx jaċċetta li din mhijiex elezzjoni dwaru,” qal Delia waqt li kkritika lil Muscat għax, fi kliemu, fl-1 ta' Mejju għamel ċelebrazzjoni tiegħu nnifsu. “Għalina l-1 ta’ Mejju mhijiex ċelebrazzjoni ta’ leader,” kompla Delia huwa u jisħaq li għall-Partit Nazzjonalista dan il-jum huwa ċelebrazzjoni ta’ poplu fl-Ewropa.

Kien għalhekk li l-Kap Nazzjonalista insista li la Muscat ma jridx jaċċetta li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti, jfisser li ma jemminx fil-kandidati tiegħu u li l-Ewroparlamentari Laburisti se jkunu qed jirrappreżentaw lilu, għall-kuntrarju tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, li fi kliem Delia, apparti li jemmnu fl-Ewropa, jistgħu iġibu l-aqwa opportunitajiet għall-pajjiż.

'Mhux elezzjoni li jirbaħ il-PN jew il-PL'

“Mhijiex elezzjoni li jirbaħ il-Partit Nazzjonalista jew il-Partit Laburista. Hija elezzjoni biex il-vuċi tagħkom tasal aktar fl-Ewropa,” tenna Delia.

Kien għalhekk li Adrian Delia qal li għall-kuntarju ta’ dak li qed jgħid il-Partit Laburista, "għax jemmnu fl-Ewropa," il-ġlieda tal-MEPs Nazzjonalisti mhijex ġlieda kontra Malta, imma hija ġlieda għal Malta, waqt li fakkar fix-xogħol li twettaq fl-aħħar snin minn Roberta Metsola u l-liġi għat-tisħiħ tal-fruntieri, minn David Casa u l-liġi għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol u l-ġlieda kontra l-kanċer li ħadem fuqha Francis Zammit Dimech.

L-istess fejn jidħlu l-fondi Ewropej. Fi kliem Delia, il-Gvern Laburista diġà qata’ qalbu li jġib pakkett b’saħħtu bħalma kien ġab il-Partit Nazzjonalista, waqt li insista li anke lokalità żgħira bħalma ma hija San Lawrenz, għax taħt tmexxija Nazzjonalista, irnexxielha ġġib ‘il fuq minn €3 miljun f’fondi Ewropej.

“Is-suċċess li jgħajjat bih Muscat ma hu xejn ħlief in-nefqa li saret mill-fondi li kiseb il-Partit Nazzjonalista,” insista Delia waqt li saħaq li jemmen li l-pajjiż jista’ jikseb aktar.

'Joseph Muscat irid li jimporta l-iskjavitù'

Għadda biex jitkellem ukoll dwar il-kummenti ta’ Joseph Muscat fuq il-ħaddiema barranin waqt id-dibattitu ta’ nhar il-Ħamis li għadda fuq Xtra.

s-suċċess li jgħajjat bih Muscat ma hu xejn ħlief in-nefqa li saret mill-fondi li kiseb il-Partit Nazzjonalista

“Joseph Muscat qalilna b’mod ċar li jrid jimportà l-iskjavitù,” kompla Delia waqt li spjega li Joseph Muscat kapaċi joħloq biss differenzi, bejn il-Maltin u l-Għawdxin, bejn il-ħaddiema nisa u l-ħaddiema rġiel u anke bejn il-ħaddiema Maltin u barranin.

“Għalih in-nies ma jfissru xejn ... il-ħaddiema jikkalpestahom ... ifissru biss numru fuq karta li jista’ jbigħ jew jixtri,” saħaq il-Kap Nazzjonalista waqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-idejn u dawk li jaħdmu fix-xemx.

Tenna dak li tkellem fuqu fl-aħħar jiem u saħaq li jekk il-Prim Ministru jrid li l-Maltin ikunu managers, irid l-ewwel jinvesti fl-edukazzjoni u fl-għalliema.

“Qalli li ha nimpurtaw l-għalliema. Għalfejn ma nagħtux kundizzjonijiet tajbin lill-għalliema tagħna,” insista Delia fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Adrian Delia jinsisti dwar id-differenza bejn Weber u Timmermans

Huwa u jinsisti ma’ dawk preżenti biex fil-25 ta’ Mejju jifhmu għalxiex qed jivvutaw, Adrian Delia semma wkoll lill-Kandidat tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber u l-kandidat tal-Partit Soċjalista Frans Timmermans, li t-tnejn li huma kienu f’Malta fl-aħħar jiem.

Dawn iż-żewġ partiti huma l-akbar fil-Parlament Ewropew u min minnhom iġib l-akbar ammont ta' siġġijiet, ikun ifisser li l-kandidat tiegħu isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Kien dan li wassal lil Delia biex ifakkar li Frans Timmermans, fil-manifest tiegħu, irid rata uniformi ta’ taxxa għall-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea.

“Ifisser li aħna nitilfu s-sovranità tagħna,” kompla Delia waqt li insista li dan ifisser daqqa ta’ ħarta, partikolarment għas-settur tas-servizzi finanzjarji li ġab f’Malta l-Partit Nazzjonalista bis-saħħa ta’ rata kompetittiva ta’ taxxa li l-pajjiż dejjem ħadem biex jipproteġi.

“Huwa ċar għalfejn Muscat qed isibha diffiċli jgħid li huma Partit Soċjalista,” insista Delia waqt li tenna li skont studji riċenti, fl-aħħar tliet snin, żewġ terzi tal-ħaddiema Maltin qed jaqilgħu inqas, ħlief dawk li jaħdmu f’dawk is-settur.

“Dan huwa s-settur li għalih, Joseph Muscat u l-partiti soċjalisti Ewropew, iridu li jneħħu l-vantaġġ li għandha Malta,” kompla Delia.

Kien għalhekk, li Adrian Delia insista tul il-messaġġ tiegħu ta’ dalgħodu biex il-poplu jifhem eżatt fuq xiex se jkun qed jivvota.

“X’differenza! Timmermans li jrid jaħtfilna s-sistema tat-taxxa u Manfred Weber li jgħid li l-Ewropa għandha biżżejjed riżorsi biex niġġieldu u nirbħu l-ġlieda kontra l-kanċer,” temm jisħaq Delia.

More in Politika