‘Kont iffirmajt ittra kontra l-pushback … illum qed tbeżża’ bil-barranin’

Fl-ewwel dibattitu politiku Joseph Muscat ifakkar lil Adrian Delia li fl-2013 hu kien wieħed mill-avukati li kien iffirma ittra kontra l-pushback li bih Muscat kien qed jhedded lill-UE

Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt Xtra
Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt Xtra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li hu kien wieħed minn grupp ta’ avukati li kien iffirma ittra kontra d-deċiżjoni tiegħu meta kien qed jhedded lill-Unjoni Ewropea b’pushback ta’ grupp ta’ immigranti, lura fl-2013, bl-għan li Malta ma tibqax terfa’ l-piż tal-immigrazzjoni waħedha.

Il-Prim Ministru uża dan l-argument biex jakkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li huwa inkonsistenti, għax fi kliemu, “illum qed ibeżża’ bil-barranin.”

It-tema tal-barranin kienet biss waħda mit-temi li qajjem l-editur maniġerjali ta’ MediaToday Saviour Balzan, waqt l-ewwel dibattitu politiku bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, li għall-kuntrarju tad-dibattiti li aħna mdorrija bihom kien wieħed ċivili, biż-żewġ mexxejja jagħtu ċans lil xulxin iwieġbu filwaqt li jirribattu l-argumenti.

Fuq it-tema tal-barranin, li hija fiċ-ċentru ta’ din il-kampanja elettorali u tal-kritika tal-Oppożizzjoni fuq il-Gvern, iż-żewġ mexxejja damu ħafna jitkellmu, b’Adrian Delia jtenni li l-uniku pjan li għandu l-Gvern huwa li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, waqt li insista li dan mhuwiex sostenibbli, mhux biss għax il-pajjiż ma jiflaħx li jżid 12,000 barrani fis-sena, imma anke għax qed ikollu effett kemm fuq l-infrastruttura, it-traffiku u anke l-pagi tal-Maltin, fost l-oħrajn.

Iżda għal dan dlonk wieġeb il-Prim Ministru Joseph Muscat, li wissa lil Adrian Delia li l-Gvern ma jista’ qatt jagħlaq il-bibien tiegħu, aktar u aktar għal dawk li ġejjin minn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, Delia dlonk wieġbu li hu ma għandu l-ebda problema bil-barranin, jiġu min fejn jiġu, basta jkun hawn pjan.

'Ma rridx Maltin jiġbru ż-żibel' - Muscat

Kien dan li wassal lil Joseph Muscat biex jisħaq li hu jixtieq li l-barranin f’pajjiżna jiġu jaħdmu fejn ikun hemm bżonn, waqt li insista li hu jrid li jkunu l-Maltin li jieħdu l-aqwa postijiet tax-xogħol u mhux il-barrani komdu u l-Malti jaqsam dahru.

“Ma rridx Maltin jiġbru ż-żibel,” insista Muscat iżda Delia dlonk wieġbu li b’dak li qed jgħid qiegħed joħloq soċjetà klassista.

Jien irrid li kull Malti u Maltija jsiru sinjuri żgħar Joseph Muscat

“Jiena rrid li l-ħaddiema barranin li jiġu Malta jkunu mgħallma biex nitgħallmu mingħandhom,” wieġbu Delia waqt li insista mal-Prim Ministru li jekk irid li l-Maltin ikollhom l-aqwa postijiet tax-xogħol irid jieħu ħsieb lill-għalliema u jindirizza r-rata ta’ studenti li jieqfu kmieni mill-iskola.

Dwar l-argument ta’ Delia, li l-għadd ta’ ħaddiema barranin qed iwasslu biex il-pagi tal-Maltin jibqgħu baxxi, il-Prim Ministru fakkar li taħt dan il-Gvern il-paga medja żdiedet kif żdiedet ukoll il-paga minima aktar minn qatt qabel.

“Jien irrid li kull Malti u Maltija jsiru sinjuri żgħar,” saħaq il-Prim Ministru waqt li ċaħad ukoll rapporti li f’Malta nstabu kuntratturi jħaddmu barranin għal €1 fis-siegħa.

Dwar il-kwistjoni tal-barranin, Muscat temm iwissi lil Delia li l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewroepa li kien jaħsibha bħalu fuq il-barranin, jiġifieri r-Renju Unit, spiċċa biex se jitlaq mill-Unjoni Ewropea.

Adrian Delia jgħid li qabel tittieħed deċiżjoni dwar il-mina għandhom jitlestew l-istudji kollha
Adrian Delia jgħid li qabel tittieħed deċiżjoni dwar il-mina għandhom jitlestew l-istudji kollha

Mina bejn Malta u Għawdex: x’qalu l-mexxejja?

Tul id-dibattitu, iż-żewġ mexxejja tkellmu dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, b’Saviour Balzan jistaqsi lil Delia jekk hux qed ibiddel fehmtu dwarha u lil Muscat dwar jekk iħassbux l-impatt ambjentali.

Adrian Delia insista li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li jkun hemm ħolqa permanenti bejn iż-żewġ gżejjer, iżda insista li qabel jridu jsiru r-rapporti u l-istudji kollha, jiġu ppubblikati u ssir konsultazzjoni dwarhom.

“Meta naraw ir-rapporti kollha nkunu nistgħu niddiskutu biex nieħdu d-deċiżjonijiet,” saħaq Delia.

Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat insista li fil-vot li ttieħed fil-Parlament ġie deċiż li l-mina se ssir, waqt li wieġeb lil Delia u qallu li s-Social Impact Assessment sar u huwa pubbliku u bħalissa għaddejjin studji oħra, fosthom dawk ġeoloġiċi li huma ppubblikatu u se jkunu ppubblikati.

Saviour Balzan staqsiehom direttament jekk dwar il-mina għandhomx tħassib ambjentali, b’Adrian Delia jwieġbu li tħassib ambjentali hemm u għalhekk qiegħed jinsisti li l-ewwel għandhom jiġu ppubblikati u ssir diskussjoni fuq l-istudji kollha.

“Jien konvint li l-mina ssir,” kienet ir-risposta skjetta tal-Prim Ministru, waqt li insista li l-Oppożizzjoni mhux ċerta. Fl-istess nifs, ammetta li jista' jkun hemm problemi ambjentali wkoll. Semma possibbilità li minflok it-tħaffir, jitpoġġew bħal cables fuq wiċċ qiegħ il-baħar.  

Innota li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien qed jakkuża lill-Gvern li qed ikaxkar saqajh, filwaqt li Adrian Delia qed jgħid li l-Gvern li qed jiġri. "Jekk forsi xi darba jaqblu..." temm jgħid Muscat fuq dan is-suġġett. 

Muscat jgħid li se naslu biex it-trasport pubbliku jkun b'xejn għal kulħadd
Muscat jgħid li se naslu biex it-trasport pubbliku jkun b'xejn għal kulħadd

It-traffiku: kif wieġeb Muscat u x’soluzzjonijiet offra Delia?

Mistoqsi dwar it-traffiku, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jżid 1,000 karozza kull xahar u biex dan ma jseħħx, reġa’ dawwar id-diskors fuq il-barranin u insista li l-pajjiż ma jistax jibqa’ jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni.

Bħal fil-każ tal-argument dwar il-popolazzjoni, Delia insista li inutli jintefqu €750 miljun fit-twessiegħ tat-toroq jekk ikun hawn aktar karozzi milli jifilħu t-toroq.

“X’nagħmlu?”, staqsieh Muscat waqt li qallu li l-uniku soluzzjonijiet biex jonqsu l-karozzi huma li l-liċenzja tingħata meta persuna tagħlaq 21 sena, jew jogħlew il-prezzijiet tal-liċenzji jew inkella jkun hemm minimu ta’ kemm ikunu jistgħu jinħarġu karozzi ġodda fis-sena.

L-uniku soluzzjoni li offra Delia għal dan kollu huwa li l-pajjiż ikollu trasport pubbliku effiċjenti u vijabbli.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern qed jaħdem biex fis-snin li ġejjin, it-trasport pubbliku kollu jkun b’xejn għall-Maltin.

“Din hija l-mira tagħna u se naslu għaliha,” saħaq Muscat waqt li Delia wieġbu u qallu li “inutli jkollna trasport b’xejn u tasal siegħa u nofs tard.”

Delia semma wkoll is-sistema ta’ trasport tal-massa, bil-Prim Ministru dlonk jgħidlu li qed jikkontradixxi lilu nnifsu, għax fi kliemu, biex trasport tal-massa jkun sostenibbli, il-pajjiż ikollu bżonn aktar nies.

Bil-popolazzjoni kif inhi bħalissa, biex ikun sostenibbli, sistema ta’ metro tkun trid tiġi ssussidjata u biex il-Gvern jagħmel hekk, irid iżid it-taxxi, spjega Muscat.

Madanakollu, Delia wieġbu li l-istess se jkollu jagħmel jekk irid jagħti trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.

“Jekk inneħħu l-korruzzjoni għandna biex nagħmlu sistema ta’ trasport tal-massa,” kompla jwieġbu Delia.

Delia jistaqsi lill-Prim Ministru jekk għandux saħħa jneħħi lil Konrad Mizzi
Delia jistaqsi lill-Prim Ministru jekk għandux saħħa jneħħi lil Konrad Mizzi

Governanza: iż-żewġ mexxejja jakkużaw lil xulxin li mhux kredibbli

Fil-fatt, ma setax jonqos li l-governanza tkun waħda mit-temi diskussjoni bejn iż-żewġ mexxejja politiċi, bit-tnejn li huma jakkużaw lil xulxin li mhumiex kredibbli u li qed jikkontradixxu lilhom infushom.

Beda l-Prim Ministru billi akkuża lill-Ewroparlamentari u d-Deputati Nazzjonalisti li kienu viċin persuni bħal Sven Giegold u Ana Gomes li kienu favur li jiskatta Artiklu 7 kontra Malta, li jfisser li Malta titlef il-vot tagħha fil-Kunsill u ma tkunx tista’ tapplika għal fondi.

Jekk inneħħu l-korruzzjoni għandna biex nagħmlu sistema ta’ trasport tal-massa Adrian Delia

Madanakollu, Delia insista li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma jrid li jiskatta dak l-Artiklu kontra Malta, waqt li qal lill-Prim Ministru li l-problema qiegħda mhux f’min jikkritika imma f’min jibqa’ jinjora rapport wara l-ieħor li fi kliemhom jikkundannaw l-aġir tal-Gvern u l-fatt li ħalla miegħu “nies li jtappnu r-reputazzjoni tal-pajjiż.”

“Għandu xi problema li jneħħieh jew ma għandux saħħa li jieħu passi?” staqsa Delia dwar il-Ministru Konrad Mizzi.

Għal dan dlonk wieġeb Joseph Muscat li insista li anke hawn Delia għandu problema kbira ta’ kredibbilità għax bl-istess kejl tiegħu kien imissu ilu li rriżenja.

Kien hawn li bdew botta u risposta bejn iż-żewġ mexxejja, b’Adrian Delia jfakkar lill-Prim Ministru li ġaladarba hu kien lest jirriżenja kieku nstab xi ħaġa kontrih fl-inkjesta Egrant, allura l-istess kellhom jagħmlu Konrad Mizzi u Keith Schembri.

“Joseph Muscat għandu riga li tgħodd għalih u ma tgħoddx għal sħabu,” insista Delia.

“Kif jiġġudikaw il-Maġistrati inkwerenti, jiena nieħu d-deċiżjonijiet,” wieġbu Muscat. “Jiena ma nitkellimx fuq l-allegazzjonijiet tiegħek ... Naf biss li jiena tlabt inkjesta fuqi u inti le.”

Muscat jgħid li ma għandu l-ebda problema li ssir inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Muscat jgħid li ma għandu l-ebda problema li ssir inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Inkjesta indipendenti fuq Daphne Caruana Galizia

Mistoqsija li seta’ jwieġeb biss il-Prim Ministru kienet dwar l-inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li qed jinsistu dwarha mhux biss il-familja, iżda anke diversi għaqdiet u rapporti internazzjonali, inkluż dak tal-Kummissjoni Venezja.

“Ma għandna l-ebda problema li ssir inkjesta fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia kif ma kellix problema li ssir inkjesta fuqi,” saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iżda mistoqsi jekk din hux se ssir u meta, il-Prim Ministru insista li ma jistax ikun hemm inkjesta oħra għaddejja u li ttellef investigazzjoni li “miexja b’pass mgħaġġel,” biex jinqabad ukoll il-mandant.

Is-sondaġġi u l-futur politiku tal-mexxejja

Finalment ma naqsux mistoqsijiet dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, b’Saviour Balzan jistaqsi lil Delia jekk hux lest jirriżenja jekk il-Partit Nazzjonalista ma jiksibx riżultat tajjeb.

“Jiena ġejt fdat mill-maġġoranza tat-tesserati Nazzjonalisti biex inwassal lill-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali,” insista Delia.

Filwaqt li l-Prim Ministru insista li din hija elezzjoni bejnu u bejn Delia għax “kieku mhux qegħdin hawn niddiskutu,” il-Kap Nazzjonalista baqa’ jisħaq li din mhijiex elezzjoni bejn il-partiti.

Saħaq li l-mod ġdid li qiegħed jippreżenta hu ma jħarisx biss lejn il-partiti u l-mexxejja imma jħares ukoll lejn il-proposti. "Jiena dejjem ngħid ejja nħabbtu l-ideat," kompla Delia waqt li insista li d-diskussjoni f'din il-kampanja għandha tkun fuq il-kura dwar il-kanċer, il-fondi li jistgħu jinġiebu biex jitkabbru n-negozji u favur il-biedja, ir-raħħala u s-sajjieda, fost oħrajn.

Insista li fuq kollox, wieħed jeħtieġ jemmen u jara x'qed joffru l-kandidati, saħaq Adrian Delia.

Mistoqsi dwar is-sondaġġi u dwar il-fatt li jibqa’ dejjem iqis lilu nnifsu bħala l-‘underdog,’ il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li anke jekk f’din l-elezzjoni jkun hemm turnout qawwi daqs ta’ elezzjoni ġenerali, xorta waħda mhuwiex realistiku li l-Partit Laburista jirbaħ b’70,000 vot, waqt li insista li lanqas fuq in-numru ta' siġġijiet ma għandha tinqata' linja.

Huwa insista li f’elezzjoni, iż-żewġ partiti jitilqu mix-xejn, u waqt li għamel referenza għall-aħħar elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit, Muscat saħaq li Theresa May rebħet iżda fil-verità tilfet, għax naqset il-voti, filwaqt li Jeremy Corbny tilef iżda rebaħ għax żied il-voti.

“Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel tajjeb ħafna li jnaqqas l-aspettattivi,” saħaq Muscat.

More in Politika