Delia jgħid li l-PM gideb għax kien jaf li hawn ħaddiema li qed jaqilgħu €1 fis-siegħa

Adrian Delia insista li din l-informazzjoni ngħatat mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali quddiem il-PM stess

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li lbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat merieh li hawn persuni f’Malta li jaħdmu għal €1 fis-siegħa, iżda hu kien jaf tajjeb li kien qed jgħid il-verità għax din l-informazzjoni qalha Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali, quddiemu stess.

Adrian Delia kien qiegħed jindirizza attività tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema u li matulha rrefera għad-dibattitu tal-bieraħ bejnu u bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Delia insista li meta l-Prim Ministru qal li mhux veru li f’Malta hawn persuni li jaħdmu għal €1 fis-siegħa, kien qed jigdeb, għax din l-informazzjoni ngħatat f'attività li attenda għaliha hu stess.

“Ipprova jgiddeb lili meta hu kellu dik l-informazzjoni f’idejh u ma għamel xejn dwarha,” insista Delia. “Il-maskla ta’ Joseph Muscat qed titneżża’ biċċa biċċa.”

Ma naqasx milli jagħmel referenza għall-kummenti tal-Prim Ministru dwar ix-xogħol, meta qal li hu ma jridx jara Maltin jaħdmu fix-xemx jew inkella jiġbru ż-żibel.

Wara li rringrazzja lil dawk kollha li xogħolhom huwa t-tindif kemm fit-toroq u anke fil-postijiet tax-xogħol u lil dawk kollha li jagħmlu xogħlijiet tal-idejn, Delia insista li għall-Prim Ministru mhux ix-xogħlijiet kollha huma importanti.

Il-partit tal-ħaddiema tilef ir-ruħ soċjali ... jistħi jgħid li hu partit soċjalista. Nesa lill-ħaddiema

“Joseph Muscat se jeqred il-biedja u r-raħħala għax ma jridx lil min jaħdem fix-xemx,” saħaq Delia. “Il-partit tal-ħaddiema tilef ir-ruħ soċjali ... jistħi jgħid li hu partit soċjalista. Nesa lill-ħaddiema, nesa lil dawk li qegħdin f’oqsma differenti.”

'Żewġ terzi tal-ħaddiema Maltin qed jaqilgħu inqas'

Kompla jitkellem ukoll fuq il-pagi, bil-Kap Nazzjonalista jisħaq li l-Prim Ministru, bħalma jaf li hawn min qed jaqla’ €1 fis-siegħa, jaf ukoll li hawn 27,000 persuna fix-xifer tal-faqar u ma jagħmel xejn.

 “Qalilna li mhux minnu li s-salarji tagħna huwa l-inqas fl-Ewropea ... Il-Eurostat għandha l-informazzjoni preċiża. Il-ħaddiema Maltin huma l-inqas fl-Ewropa li żdiditilhom il-paga.”

Kompla jisħaq li 46% tal-ħaddiema Maltin, jiġifieri żewġ terzi tal-impjegati Maltin, qed jaqilgħu inqas fl-aħħar tliet snin, waqt li sfida lill-Ministru għall-Finanzi biex jitkellem dwar dan.

“Qalilna li jrid li kulħadd ikun manager. Imma tista’ temmnu meta għandna t-tieni l-akbar rata ta’ school leavers fl-Unjoni Ewropea?” staqsa Delia waqt li kompla jisħaq li dan mhux għax l-istudenti Maltin mhumiex intelliġenti, iżda għax il-Gvern mhux jinvesti fl-edukazzjoni.

“F’kull argument li jgħid ikun qed jagħmel xorta oħra,” insista Delia.

'Jekk tridu lil min jirrappreżentawkom għażlu lill-kandidati tagħna'

Irrefera wkoll għall-argument tal-Prim Ministru meta lbieraħ “mingħajr mistħija” qal li hawn ir-rule of law.

Waqt li rrefera għall-Avukat Ġenerali u għall-argument ta’ Muscat li dan inħatar mill-Gvern Nazzjonalista, Delia insista li l-uniku differenza huwa li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti dan tħalla jaħdem, waqt li insista li kull rapport li ħareġ, inkluż dak tal-Greco u tal-Kummissjoni Venezja, ikkundannaw lill-Gvern.

Tenna dak li ilu jingħad li din mhijiex elezzjoni bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, minkejja li lbieraħ il-Prim Ministru saħaq hekk, b’Delia jinsisti li lill-Ewroparlamentari tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jħallihom jaħdmu “bla ebda spaga.”

“Jekk tridu min jirrappreżentakom fl-Ewropa għażlu lill-kandidati tagħna,” temm jgħid Delia.

'Meta jbigħ il-passaporti jfaħħar il-barranin...lil dawk li ma għandhomx flus iridhom għat-tindif'

Tul l-attività tkellmet ukoll l-Ewroparlamentari Roberta Metsola li wkoll irreferiet għall-kummenti tal-Prim Ministru dwar ix-xogħol tal-barranin.

Metsola saħqet li dan il-kumment irrabbjaha, għax fi kliemha jfisser li għall-Prim Ministru, ix-xogħol tal-idejn huwa inqas minn xogħol ieħor.

Fi kliemha, l-istmerrija ma għandhiex tkun għall-ħaddiema li jagħmlu xogħol tal-idejn, imma għal kliem il-Prim Ministru.

“Kull xogħol huwa importanti. Kull min jagħmel xogħlu għandu jkun apprezzat u stmat. Hekk nemmnu aħna tal-Partit Nazzjonalista,” saħqet Metsola waqt li insistiet li l-klassiżmu tiegħu jġib biss il-mibegħda.

Saħqet li meta jbigħ il-passaporti, Muscat jgħid li dawk li qed jixtruh huma barranin importanti, filwaqt li dawk li ma għandhomx flus jgħid li jridhom għat-tindif.

Kien għalhekk li temmet tgħid li Joseph Muscat jaf biss jifred, bejn dawk ta’ miegħu u dawk li mhumiex, il-laburisti tal-qalbha u dawk li mhumiex u issa bil-barranin ukoll.

'Ikollna nittalbu biex nieħdu dak li hu tagħna,' - Is-Sindku Slimiż

Fil-bidu tal-attività tkellem ukoll is-Sindku Slimiż Anthony Chircop li tkellem dwar id-diversi proġetti li wettaq il-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema, minkejja d-diversi diffikultajiet li sab ma’ wiċċu.

“Kważi dejjem kellna nittalbu biex nieħdu dak li hu tagħna,” saħaq is-Sindku waqt li tkellem b’mod partikolari dwar il-problema tal-parkeġġ għar-residenti u marbuta magħha l-isfida tal-kostruzzjoni.

More in Politika