‘San Pawl il-Baħar huwa xhieda ta’ Gvern bla pjan li jrid isib is-soluzzjonijiet bil-barranin’

Adrian Delia jisħaq li minħabba n-nuqqas ta' pjan għall-integrazzjoni tal-barranin, it-tfal u ż-żgħażagħ qed jibżgħu joħorġu barra

Waqt attività politika f’San Pawl il-Baħar, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li din il-lokalità hija xhieda ta’ Gvern bla pjan li fi kliemu jrid isib is-soluzzjoni għal kollox, fosthom għall-pensjonijiet u anke għall-mina bejn Malta u Għawdex, bil-barranin.

Tul din l-attività, bħala parti mill-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, Adrian Delia tkellem fit-tul dwar is-sitwazzjoni f’din il-lokalità, li llum il-popolazzjoni tagħha tlaħħaq ‘il fuq minn 26,000 persuna.

Iffoka wkoll fuq l-għadd tal-barranin f’din il-lokalità u reġa’ tenna dak li kien għamel ġimgħat jitkellem fuqu. “Dan il-Gvern ma għandu l-ebda pjan ta’ integrazzjoni,” qal Delia waqt li insista li dan qed iwassal lill-barranin biex jingħaqdu fi "clans" u li fi kliemu ‘jbeżżgħu’ lit-tfal u liż-żgħażagħ milli joħorġu barra.

Kien hawn li kompla jisħaq li San Pawl il-Baħar huwa xempju ta’ dak li wiegħed il-Gvern u ma wettaqx.

“L-iskola ta’ San Pawl il-Baħar ma għadhiex adegwata,” qal Delia waqt li kompla jitkellem fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.

'Gvern li ma jimpurtahx mill-ġustizzja'

Għadda biex jitkellem ukoll dwar kwistjonijet nazzjonali, bil-Kap Nazzjonalista jirreferi għall-ħatra ta’ tliet imħallfin u tliet maġistrati ġodda, waqt li insista li dan kien ifisser li l-Gvern injora dak li qalu l-esperti legali li jiffurmaw il-Kummissjoni Venezja u anke l-kritika li kien għadda l-eks imħallef Giovanni Bonello.

Dan huwa Gvern li ma jatix kas ta’ kif intom qed tħossukom ... li jibqa’ għaddej b’dak li jrid hu u jaqdi biss l-interess tal-ftit Adrian Delia

Fir-rakkomandazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Venezja kienet saħqet li dawn il-ħatriet u oħrajn ma għandhomx jibqgħu f’idejn il-Gvern.

“Dan hu Gvern li ma jimpurtahx mill-ġustizzja, mid-demokrazija u mill-barranin,” saħaq Delia. “Dan huwa Gvern li ma jatix kas ta’ kif intom qed tħossukom ... li jibqa’ għaddej b’dak li jrid hu u jaqdi biss l-interess tal-ftit.”

VGH: 'L-akbar serqa li qatt saret fuq il-poplu'

Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-każ li fetaħ hu dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Health Care, hekk kif dalgħodu kompliet tinstema’ x-xhieda. Għamel referenza għall-affidavit li ressaq hu u li fi kliemu jagħti “rendikont tan-niket tal-akbar serqa li qatt saret fuq il-poplu Malti.”

“In-nies qed jintebħu u jekk le rridu nfehmuhom,” appella Delia. “Irridu nwasslu l-messaġġ ta’ tama li nistgħu nagħmlu aħjar.”

Kien hawn li insista li tul dawn il-ħames ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitkellem fuq kollox, fuq dak kollu li jolqot in-nies, imma fi kliemu, l-uniku ħaġa li mhux se jdaħħal il-Partit Nazzjonalista hija l-mibegħda, waqt li rrefera għall-kumment tal-eks Prim Ministru u kandidat Laburista Alfred Sant ta’ “għajn għal għajn u sinna għal sinna.”

“Din hi d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Soċjalista. Biex jaħtaf lest li jweġġa’ lil ħutna Maltin u Għawdxin,” temm jgħid Adrian Delia.

‘Flok tkellem fuq l-immigrazzjoni sejjaħ elezzjoni biex inaddaf isem Konrad Mizzi’ - Metsola

Tkellmet ukoll l-Ewroparlamentari Roberta Metsola li tkellmet fil-qosor dwar il-ħafna oqsma li ħadmet fuqhom u li jaffetwaw direttament il-ħajja tal-Maltin.

Fost oħrajn tkellmet dwar l-immigrazzjoni u qalet li fl-aħħar xhur hi ħadmet qatigħ fuq liġi li se tkun qed issaħħaħ il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea u li tiffaċilità aktar ir-rilokazzjoni tal-immigranti.

“Irridu nkunu ġusti ma’ min għandu bżonn il-protezzjoni,” Metsola waqt li insistiet li l-Unjoni Ewropea trid tkun iebsa ma’ min jipprova jabbuża.

Mill-banda l-oħra, Roberta Metsola saħqet li fi żmien li kellu f’idu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Joseph Muscat, flok jiffoka fuq l-immigrazzjoni, għażel li jmur għal elezzjoni bikrija biex inaddaf isem il-Ministru Konrad Mizzi.

“Bil-poter b’idejh, Joseph Muscat ma għamel xejn,” saħqet Metsola.

Fakkret ukoll li wara l-grigalata qawwija li aktar kmieni din is-sena laqtet lil Malta u li ħalliet ħerba f’San Pawl il-Baħar, hija niżlet tara b’għajnejha l-ħsara u interveniet ma’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biex Malta tingħata l-għajnuna.

Tkellmet ukoll dwar in-negozji ż-żgħar u fakkret kif fuq stedina tagħha, ġie Malta l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jisma minn fomm in-negozji Maltin l-esperjenza tagħhom, tant li mar quddiem il-Kummissjoni Ewropea fejn ressaq ix-xewqat tal-Maltin biex jieħdu azzjoni.

“Bqajt insegwi biex naraw x’passi hemm bżonn biex aktar nies jibbenefikaw minn dawn il-fondi,” saħqet Metsola. “Mill-uffiċċju tiegħi qed nagħti pariri lil min irid jara kif jista’ jibbenefika aktar mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.”

Temmet tindirizza lill-Prim Ministru Joseph Muscat li lbieraħ qal li mhux kuntent bil-livell ta’ indafa f’pajjiżna.

“Il-ħmieġ fit-toroq għandu jiġi indirizzat imma l-ewwel għandek tnaddaf il-ħmieġ li għandek fil-Gvern,” saħqet l-Ewroparlamentari.

‘Ix-xogħlijiet f’San Pawl il-Baħar qed isiru mill-kunsill u mhux mill-Gvern’ – Is-Sindku

Fil-bidu ta' din l-attività tkellmet ukoll is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Anne Fenech li tkellmet dwar l-isfidi li qed tiffaċja din il-lokalità li dejjem qed tikber.

Tkellmet fost affarijiet oħra fuq ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa f’din il-lokalità, bis-Sindku tinsisti li minkejja li l-Ministru għat-Trasport qiegħed jieħu l-krettu ta’ dawn ix-xogħlijiet, il-verità hi li huwa l-kunsill lokali li qiegħed iħallas għax-xogħol f’dawn it-toroq.

Fenech qalet li l-Kunsill Lokali se jkun qiegħed jagħti xejn inqas minn miljun ewro lil Infrastructure Malta, fejn diġà ħallas €500,000 bil-quddiem.

“Nistaqsi għalfejn dawn ix-xogħlijiet qed isiru issa lejlet elezzjoni u għalfejn mhux qabel,” saħqet Fenech.

Tkellmet dwar diversi proposti, fosthom dwar il-bżonn ta’ Community Policing f’din il-lokalità.

Irringrazjat ukoll lis-Sindku ta’ qabilha, Graziella Galea, li kellha tirriżenja wara li tilfet l-appoġġ ta’ uħud minn sħabha l-kunsilliera Nazzjonalista.

Saħqet, li Galea ħadet f’idha kunsill, mill-Partit Laburista, li kien mimli djun u rnexxielha tbiddel dan f’surplus li minnu l-kunsill għadu qed igawdi.

More in Politika