VGH | Delia jakkuża lil PM u lil awtoritajiet li ma għamlu xejn biex jipproteġu proprjetà pubblika

Delia ppreżenta affidavit fil-Qorti u li fih insista li l-ftehim tal-Gvern mal-VGH ma kellux jgħaddi f'idejn Steward ġaladarba ma kinux intlaħqu l-miri

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-Membri Parlamentari ġew eletti biex jassiguraw li l-proprjetà pubblika ma tiġix abbużata, tiġi amministrata tajjeb skont il-liġi u skont it-termini tal-ftehim li jkun intlaħaq fil-Parlament.

Adrian Delia qal dan f'affidavit li ppreżenta fil-Qorti hekk kif kompla jistema' l-każ li fetaħ hu stess bħala Kap tal-Oppożizzjoni bil-għan li jiġi investigat il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare u biex eventwalment dan jitħassar.

"Jiena bħala Deputat tal-poplu ħassejtni fl-obbligu li mmexxi din il-kawża fl-interess tal-poplu u ta' dak kollu li ġie mifthiem għan-nom tal-poplu fejn min kien obbligat biex imexxi u jittutela l-proprjetà pubblika, bħall-Onorevoli Prim Ministrul, l-Avukat Ġenerali u l-Awtorità tal-Artijiet u l-Bord tal-Gvernaturi tal-istess Awtorità tal-Artijiet baqgħu sajmin minn azzjoni effettiva," saħaq Delia waqt li fakkar li l-miri tal-VGH baqgħu ma ntlaħqux.

Kien għalhekk li Delia insista li minħabba dan kollu, il-Gvern ma jmissu qatt ippermetta li dan il-ftehim jiġi ttrasferit mingħand il-VGH għal għand Steward Health Care, meta fin-nofs kien hemm miljuni kbar minn flus il-poplu.

"It-trasferiment tal-azzjonijiet lil Steward Health Care ma setax isir għax il-concessions milestones li Vitals Global Healthcare Assets Limited ftehmu li jagħmlu entro tliet snin mill-ftehim raġġunt mal-Gvern Malti ma ntlaqgħux u ma sarux ħlief ħofra fl-isptar Craig ta' Għawdex u dan b'abbuż tal-proprjetà pubblika lilhom mogħtija," kompla Delia.

Kien dan kollu li qed iwassal lil Adrian Delia biex jisħaq li dan il-kuntratt għandu jitħassar.

Intant, fl-istess smigħ xehed ukoll l-editur tal-gazzetta ILLUM, Albert Gauci Cunningham li insista li skont dak li qalu sorsi mal-istess gazzetta, "hija stramberiija" kif minkejja li l-isptarijiet għaddew f'idejn il-Vitals Global Healthcare, il-Gvern kien għadu qed joħroġ il-flus biex jixtri tagħmir mediku. Dwar dak li tkellem dwaru l-editur tal-gazzetta ILLUM, aqra aktar dawn:

 

More in Politika