L-MDA tisħaq li hawn kuntratturi mingħajr esperjenza li qed jibnu bini 'defiċjenti'

Tipproponi li jkun hawn reġistru uffiċjali tal-kuntratturi 

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tisħaq li wasal iż-żmien li jsir reġistru uffiċjali tal-kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni, għax fi kliema, fi żmien meta qed isiru ħafna xogħlijiet, wħud ma għandhomx esperjenza u lanqas biżżejjed taħriġ biex joffru s-servizzi tagħhom bħala kuntratturi.

Fi stqarrija, l-MDA saħqet li kawża ta' dan qed isir "ħafna bini ħażin u defiċjenti'

L-Assoċjazzjoni qed tipproponi li dan ir-reġistru iqassam lill-kuntratturi f’kategoriji differenti li jindikaw id-daqs tal-kuntratti u li l-kuntratturi jkunu kapaċi jaħdmu.

"Din is-sistema, li tintuża tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa, tassigura li min jidħol għal kuntratti ta’ ċertu kobor ikollu l-esperjenza u l-kapaċità li jesegwixxi x-xogħol li jkun daħal għalih," tisħaq l-istqarrija.

L-MDA kompliet tgħid li sistema bħal din tassigura li l-kuntratturi jkollhom l-għarfien meħtieġ tar-Regolamenti tal-Kostruzzjoni u tal- immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni.

"Fil-każ ta’ nuqqasijiet serji, dawn il-kuntratturi jissograw li jitilfu din ir-reġistrazzjoni," tkompli l-istqarrija.

Temmet tappella lill-Gvern biex titfassal sistema bħal din u tiġi attwata fl-iqsar żmien possibbli.

More in Politika