Min jostakola l-passaġġ għandu jingħalaqlu l-ħanut – Sindku ta’ Tas-Sliema

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema jisħaq mal-ILLUM li l-imwejjed u s-siġġijiet barra l-istabbilimenti mhux qed jaffettwaw biss il-parkeġġi

Is-Sindku ta' Tas Sliema Anthony Chircop
Is-Sindku ta' Tas Sliema Anthony Chircop

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop, qal li l-imwejjed u s-siġġijiet barra minn stabbilimenti tal-ikel u x-xorb mhux qed inaqqsu biss il-parkeġġ iżda jekk mhux se jkun hemm infurzar sejru, se jibqgħu jieħdu wkoll art li hi tal-pubbliku.

Mal-gazzetta ILLUM, is-Sindku Slimiż ilmenta dwar il-mod kif qed jingħataw il-permessi biex stabbilimenti tal-ikel u x-xorb joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet lil hinn mill-bankina.

Minkejja li ħafna drabi wieħed jispiċċa jgerger u jargumenta biss dwar il-parkeġġ, Chircop saħaq li ftit tingħata attenzjoni għall-fatt li wħud mis-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti qed jieħdu wkoll art li hi tal-pubbliku.

Huwa kien qed jirreferi għal dawk l-istabbilimenti li jingħataw il-permess li jestendu l-imwejjed u s-siġġijiet lilhinn mill-bankina u għalhekk ikun hemm passaġġ bejn il-ħanut u l-għamara. Chircop insista li skont il-liġi, dan il-passaġġ ma jistax ikun inqas minn 1.3 metri, bil-għan li min ikun miexi fuq il-bankina, jgħaddi bil-kumdità kollha.

Imma staqsa kemm fil-verità qed jiġri hekk. Apparti li jkun hemm sidien li ma jżommux dan l-ispazju, ħafna drabi l-passaġġ ikun ostakolat bil-waiters ħerġin u deħlin bl-ikel u x-xorb. Ħafna stabbilimenti, qed jiddeċiedu wkoll li joħorġu “high-tables” u għalhekk il-klijenti joqogħdu bilwieqfa u ħafna drabi jostakolaw il-passaġġ.

“Mur għaddi b’puschair, mur għaddi b’siġġu tar-roti,” saħaq is-Sindku. “Immaġina anzjan għaddej jew għaddej bit-tfal u jgħaddi waiter bi tray mimli kikkri tal-kafè... hemm perikli kbar.” Kien hawn li insista li għandu jkun hemm aktar infurzar u pieni aktar ħorox għal dawk is-sidien, li fi kliemu, jkunu qed jieħdu art li hi tal-pubbliku. “Min jikser ir-regolamenti għandu jingħalaqlu l-ħanut... dan qed jieħu art li hi tal-pubbliku,” insista s-Sindku.

Minkejja li jkun hemm spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet, l-istabbilimenti jkunu l-aktar bieżla fi tmiem il-ġimgħa, meta l-uffiċjali ma jkunux xogħol. Għalkemm hemm il-Pulizija, fi kliem is-Sindku, dawn ma jistgħux ikunu hemm il-ħin kollu u kullimkien.

Insista li hu mhux kontra n-negozju u lanqas kontra li jkun hemm imwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti, iżda għandu jkun hemm aktar kuxjenza u s-sidien għandhom ikunu aktar responsabbli.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM irrappurtat kif f’sena waħda biss, matul l-2016, naqsu madwar 200 parkeġġ f’Tas-Sliema. Uħud minn dawn il-parkeġġi ttieħdu mill-imwejjed u s-siġġijiet, bl-Ombudsman jisħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar ma qisitx biżżejjed li dawn il-permessi kienu se jnaqqsu l-parkeġġ.

Iżda mal-ILLUM, is-Sindku Slimiż tenna li l-permessi mhux qed iżidu biss il-problema tal-parkeġġ, iżda qed iħallu impatt ukoll fuq it-traffiku u anke fuq l-aċċessibilità ta’ proprjetà privata tar-residenti.

Semma ż-żona ta’ The Strand fejn kollox beda minn sid ta’ ħanut li ddeċieda minn jheddu li jestendi l-bankina u joħroġ is-siġġijiet u l-imwejjed. Dan ġie rregolat iżda l-permessi baqgħu jfaqqsu, “għax jekk tajt permess lil wieħed, ikollok tagħti permess lill-ieħor.”  Ġara li llum, f’din iż-żona ttieħed il-parkeġġ kollu.

Chircop kompla jispjega li għalkemm il-problema tal-imwejjed u s-siġġijiet ilha li bdiet, wara r-riforma li kienet saret, kollox ġie “one stop shop.” Qabel, sid ta’ stabbiliment li ried joħroġ l-imwejjed u s-siġġijiet, kien imur hu għand dawk kollha kkonċernati, inkluż il-Kunsill, id-Dipartiment tal-Artijiet u anke l-Awtorità tat-Turiżmu, biex iġib “in-no objection.”

Iżda, wara li seħħet ir-riforma, sid imur direttament għand l-Awtorità tal-Ippjanar, japplika normali u titweħħel notifika dwar l-iżvilupp, l-istess kif jiġri meta tkun se tinbena dar. Min ikollu xi oġġezzjoni, jikkomunikaha direttament mal-Awtorità tal-Ippjanar.

“X’qed jiġri? Transport Malta tkun aljenata b’ħafna affarijiet. Id-Dipartiment tal-artijiet l-istess. Ħadd ma jibgħat l-oġġezzjoni u l-permess jinħareġ,” saħaq Chircop.

Mhux l-ewwel darba li l-Kunsill ta’ Tas-Sliema ikkritika l-mod li bih qed jingħataw il-permessi u anke l-fatt li la l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u lanqas Transport Malta, ma huma qed jevalwaw dawn l-applikazzjonijiet mill-perspettiva tat-traffiku u l-effett kumulattiv ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Is-Sindku tkellem dwar dawk iż-żoni li huma kkunsidrati bħala “mixed use” fejn meta wieħed jixtri proprjetà jkun jaf li taħtu jista’ jkun hemm ristorant, kafetterija, bar jew kwalunkwe negozju ieħor, iżda bil-kundizzjoni li l-bankina tkun aċċessibbli u jekk għandu garaxx, ma jkun hemm xejn jostakolah.

Iżda diversi permessi għall-imwejjed u s-siġġijiet qed ifissru wġigħ ta’ ras għal dawn ir-residenti. Semma garraxijiet li spiċċaw b’imwejjed u siġġijiet fuq kull naħa. “Jekk ikollok karozza li tagħmel double parking, tista’ tinsa li se tidħol fil-garaxx,” qal is-Sindku. “Immaġina lir-residenti jiġru fil-barijiet jistaqsu ta’ min hi l-karozza li qed tostakola l-garaxx.”

Iżda l-problema ma tiqafx mal-parkeġġ, hemm problema oħra. Bħala eżempju, is-Sindku semma każ ta’ sid ta’ appartament li jkun irid itella’ l-għamara. Kieku ma hemmx imwejjed u siġġijiet, il-lifter se joqgħod fil-parkeġġ. Iżda bl-imwejjed u s-siġġijiet il-lifter ikollu joqgħod fit-triq bil-konsegwenza li tispiċċa karreġġjata waħda. L-istess jiġri bil-vannijiet li jwasslu l-prodotti fil-ħwienet.

Minkejja li sidien ta’ ħwienet, li jingħataw permessi biex jestendu ’l barra bil-bankina, huma obbligati li juża materjal li jista’ jitneħħa, Chircop saħaq li ħafna drabi, “mis-seba’ jieħu l-id.” “L-ewwel jintuża l-injam imbagħad bl-iskuża tal-periklu jeħel pilastru li jidħol ġot-triq u nibqgħu sejrin hekk.”

Wara li kienu ngħataw diversi permessi, sidien ta’ stabbilimenti kienu bdew jintalbu biex iħallsu ‘kumpens’ ta’ darba għall-parkeġġ li jkunu ħadu, l-istess kif jagħmlu żvilupatturi li ma jkunux pprovdew biżżejjed parkeġġi skont il-kobor tal-iżvilupp, permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme.

Dwar din l-iskema, il-gazzetta ILLUM tkellmet il-ġimgħa li għaddiet, bl-Ombudsman jgħid li l-kumpens għandu jiżdied minn €2,096 għal €4,000.

Lura fl-2013, il-Gvern kien waqqaf skema li kien introduċa l-Kunsill ta’ Tas-Sliema biex ikun hemm parkeġġ riservat għar-residenti f’ċertu ħin tal-ġurnata. Dan minkejja li l-Kunsill Lokali kien insista li beda din l-iskema wara li kellu l-permessi mingħand Transport Malta u anke skont l-Avviż Legali tal-2009. Il-Gvern kien daħħal fis-seħħ Avviż Legali ieħor bil-Kunsill ta’ Tas-Sliema jisħaq li dan sar speċifikament biex ineħħi d-dritt tiegħu li jimplimenta din l-iskema.

L-azzjoni kienet ittieħdet wara li l-Unjin tal-Għalliema (MUT) kienet ordnat lill-għalliema kollha f’Tas-Sliema biex jirrappurtaw għax-xogħol siegħa tard. L-MUT kienet ilmentat li l-iskema kienet se żżid il-problema tal-parkeġġ għall-għalliema.

 

 

 

More in Politika