Ċans tajjeb li l-Griegi jagħtu l-protezzjoni lil Efimova - Rapporti

Avukat ta' Efimova li tkellem ma' midja Griega jikkonferma storja tal-ILLUM li ma kienx hemm mandat ta' arrest minn Ċipru

Sorsi li tkellmu mas-sit cyprusbusinessmail qalu li hemm ċans kbir li Maria Efimova, is-sors ewlieni fil-każ Egrant, tingħata l-protezzjoni.

Dan jumejn wara li marret hi stess u tat ruħha f’idejn il-Pulizija Griega u anke talbiet li saru minn Ewroparlamentari mill-gruppi politiċi kollha biex tingħata l-ażil.

Is-sit jikkwota wieħed mis-sorsi jgħid li d-deċiżjoni issa tinsab f’ħoġor il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras. Jekk tingħata l-protezzjoni, il-proċeduri kollha li hemm kontriha jaqgħu.

Is-sit cyprusbusinessmail huwa l-istess sit li fil-fatt kien irraporta illi l-Pulizija Ċiprijotta kienet ħarġet mandat ta' arrest fuq allegat serq mill-post fejn kienet taħdem għal xi żmien; IDF Fragrance. 

Iżda mas-sit Grieg tvxs.gr, l-Avukat li qed jirrappreżenta lil Efimova, Alexandros Papasteriopoulos, ikkonferma storja tal-gazzetta ILLUM,  li fil-fatt kienet tefgħet dubji serji dwar jekk hemmx mandat ta' arrest minn Ċipru. 

Minn investigazzjoni li wettqet il-gazzetta ILLUM tal-4 ta' Frar li għadda, isem Maria Efimova mhux talli ma kien jidher imkien f’listi ta’ persuni li huma ‘wanted’ fuq is-sit tal-Interpol, talli la l-Pulizija Ċiprijotta, la l-Interpol f’Nikosija (Ċipru) u lanqas il-kumpanija li allegatament keċċietha riedu jispjegaw għaliex l-isem Maria Efimova ma jidher imkien fuq listi ta’ nies imfittxija.

Din il-gazzetta kienet għamlet kuntatt ma’ IDF Fragrance, mal-Korp tal-Pulizija f’Ċipru kif ukoll mal-uffiċċju tal-Interpol f’Ċipru. Dan apparti, li tat ħarsa wkoll lejn is-siti tal-Interpol u tal-Pulizija f’Ċipru. Isem Efimova ma tfaċċa mkien.

Kien is-sit illum.com.mt li żvela wkoll li Efimova kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija fuq akkużi li użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti, akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’. Il-Bank Pilatus akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja, għas-spejjeż tal-bank.

L-għada, iżda Daphne Caruana Galizia qalet li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċiviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.

Efimova kienet is-sors ewlieni ta’ Caruana Galizia wara l-allegazzjoni 'Egrant', jiġifieri li l-kumpanija fil-Panama Egrant Inc. kienet ta' Michelle Muscat u li minnha għaddew mal-$1 miljun.

Il-PM Joseph Muscat u Michelle Muscat ċaħdu bil-qawwi din l-allegazzjoni, bil-PM isejjaħ din bħala 'l-akbar gidba fl-istorja politika.' 

Maria Efimova telqet minn Malta ħabta u sabta f’Ġunju tas-sena li għaddiet u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet qalet li kellha taħrab għaliex beżgħet għal ħajjitha u s-sigurtà tal-familja tagħha.

More in Politika