36 MEP jitolbu lill-Greċja biex tipproteġi lil Efimova

Dawn l-Ewroparlamentari mill-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew iddeskrivew l-allegazzjonijiet kontra Efimova bħala frivoli

Grupp ta’ Ewroparlamentari li ġejjin mill-gruppi politiċi kollha fi ħdan il-Parlament Ewropew kitbu lill-awtoritajiet Griegi biex wara l-aħħar żviluppi, meta lbieraħ ġie arrestat is-sid tal-Bank Pilatus, jassiguraw li Maria Efimova tingħata l-protezzjoni.

Fit-talba tagħhom, l-Ewroparlamentari saħqu li l-allegazzjonijiet kontra l-whistleblower Maria Efimova, huwa frivoli. Għalhekk qed isejħu lill-awtoritajiet Griegi biex jassiguraw li ma tintbgħatx lura Malta, joffru l-ażil lil Efimova u lill-familja tagħha u anke jipprovdulha l-protezzjoni u jassiguraw li tkun f’post sigur.

Fit-talba tagħhom, is-36 Ewroparlamentari, fosthom id-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, saħqu li bl-arrest fl-Istati Uniti taġ' Ali Sadr Hasheminejad, il-Bank Pilatus kompla jinkixef bħala bank tal-ħasil ta’ flus għal nies fil-poter f’Malta u l-Ażerbajġan.

Fakkru li Efimova kienet impjegata tal-Bank Pilatus u x-xhud ewlieni f’każijiet ta’ koruzzjoni u ħasil ta’ flus.

“Sal-lum għadha għaddejja kampanja qawwija mill-Gvern Malti biex Efimova tkun skreditata u dan wara li sar magħruf li hi sors ta’ Daphne Caruana Galizia,” jisħqu l-MPEs. “Il-kompliċità tal-Bank Pilatus ma’ persuni fl-ogħla livell tal-Gvern Malti, b’mod partikolari maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, hi magħrufa permezz ta’ rapporti leaked mill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus.”

Maria Efimova telqet minn Malta ħabta u sabta f’Ġunju tas-sena li għaddiet u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet qalet li kellha taħrab għaliex beżgħet għal ħajjitha u s-sigurtà tal-familja tagħha.

Nhar it-Tlieta, Maria Efimova tat ruħha f’idejn il-Pulizija Griega wara li kienet ilha mfittxija diversi xhur b'mandat ta' arrest kemm f'Malta u anke f'Ċipru. Dakinhar ukoll, id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet ġiet f'Malta tinvestiga s-Saltna tad-Dritt u allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, kitbet lill-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras biex jipproteġi lil Efimova.

Kien is-sit illum.com.mt li żvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija fuq akkużi li użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti, akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’. Il-Bank Pilatus akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja, għas-spejjeż tal-bank.

L-għada, iżda Daphne Caruana Galizia qalet li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċiviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.

“Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija."

More in Politika