Aġġornata | Arrestat iċ-ċermen tal-Bank Pilatus fl-Istati Uniti

  • Sitt akkużi f'Manhattan kontra r-raġel li ntlemaħ ħiereġ bil-famuża bagalja mill-Bank Pilatus f'Malta
  • Jista' jeħel għomru l-ħabs

Hasheminejad meta jkien hiereġ bil-famużi bagalji mill-Bank Pilatus wara l-allegazzjoni dwar Egrant
Hasheminejad meta jkien hiereġ bil-famużi bagalji mill-Bank Pilatus wara l-allegazzjoni dwar Egrant

Iktar aħbarijiet ħżiena għall-Bank Pilatus hekk kif iċ-ċermen tiegħu Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti. 

Hasheminjad huwa Iranjan b'passaport ta' Sant Kitts and Nevis. Hu kien arrestat fuq l-akkużi li pparteċipa fi skema biex jevadi sanzjonijiet u li illegalment mexxa $115 miljun mħallsin minn kuntratt fil-Venzuela minn sistema finanzjarja fl-Istati Uniti. Huwa qed ikun akkużat illi prova jiffroda lill-Istati Uniti u li jikkommetti ħasil ta' flus.

Hasheminjad kien arrestat fuq sitt atti ta' akkuża fosthom li prova jevadi sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran. Huwa għamel dan , allegatament, billi ħeba' dawk li huma Iranjani u li kienu parti mill-kumpanija tiegħu 

"Kif allegat, Ali Sadr ħoloq katina ta' kumpaniji li kienu jservu ta' front (jiġifieri kumpaniji magħmulin biex jaħbu xi ħaġa jew xi ħadd) biex jaħbi negozju mill-Iran fil-Venezuela u sanzjonijiet fl-Istati Uniti," qal fi stqarrija l-Avukat Ġenerali ta' Manhattan Geoffrey Berman. 

L-akkuża ta' konfoffa biex ikun frodat l-Istati Uniti għandha piena massima ta' ħames snin. L-akkuża dwar konfoffa li jikser l-IEEPA għandha piena massima ta' 20 sena, dik ta' frodi tal-bank, piena massima ta' 30 sena, l-akkuża ta' konfoffa biex isir frodi tal-Bank, piena massima ta' 30 sena, dik ta' ħasil ta' flus piena massima ta' 20 sena u dik ta' konfoffa biex isir ħasil ta' flus, piena massima ta' 20 sena. 

X'tgħid l-akkuża? 

"In connection with his role on the Project, Sadr took steps to evade U.S. economic sanctions and to defraud U.S. banks by concealing the role of Iran and Iranian parties in U.S. dollar payments sent through the U.S. banking system.  For example, in 2010, Sadr and a co-conspirator used St. Kitts and Nevis passports and a United Arab Emirates address to incorporate two entities outside Iran that would receive U.S. dollar payments related to the Project on behalf of IIHC.  The first entity, Clarity Trade and Finance (Clarity), was incorporated in Switzerland, and the second, Stratus International Contracting, J.S., aka Stratus Turkey, aka Straturk, was incorporated in Turkey.  Stratus Turkey and Clarity were both owned and controlled by Sadr and his family members in Iran.  Sadr then opened U.S. dollar bank accounts for Clarity and Stratus Turkey at a financial institution located in Switzerland. 

Thereafter, Sadr and others conducted a series of international financial transactions using Clarity and Stratus Turkey for the benefit of Iranian parties in a manner that concealed the Iranian nexus to the payments, in violation of U.S. economic sanctions.  Specifically, between April 2011 and November 2013, the VE Company, at the direction of Sadr and others, made approximately 15 payments to IIHC through Stratus Turkey or Clarity, totaling approximately $115,000,000"

L-MPEs kellhom indikazzjoni?

Intant, ir-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, li ġiet tinvestiga s-Saltna tad-Dritt u anke allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f'Malta, kien għamel referenza għall-fatt li Hashminejad kellu jiġi akkużat b'miżaproprijazzjoni ta' fondi ("embezzlment") fl-Iran.

Huwa kien ċaħad dawn l-akkużi u saħansitra kien kiteb liċ-Ċermen tad-Delegazzjoni, l-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes, biex mir-rapport titneħħa din ir-referenza u saħansitra ried ikun jaf min kien "is-sors tad-dikjarazzjoni."

Intant, Ana Gomes dalgħodu kitbet li d-delegazzjoni li mexxiet f'Malta kellha raġun tistaqsi kif Ali Sadr ingħata l-liċenzja biex il-Bank Pilatus ikun jista' jopera f'Malta. 

Hasheminejad sar persuna magħrufa f'Malta ftit wara l-akkużi ta' Daphne Caruana Galizia li l-kumpanija Egrant Inc. hija ta' Michelle Muscat, xi ħaġa li kemm il-PM kif ukoll Michelle Muscat innegaw. Hasheminjad deher ħiereġ bil-famuża bagalja f'servizz mtella minn Net News. 

Hasheminejad u l-Bank Pilatus kienu stqarrew li fil-bagalja kien hemm affarijiet personali taċ-ċermen minħabba li dan kien għadu ġej minn safar. Dak il-ħin Malta kienet 'mixgħula' bl-allegazzjoni dwar Egrant.

 

Anke f'Malta il-Bank Pilatus jinsab f'nofs kontroversja hekk kif qed ikun akkużat illi huwa istituzzjoni illi minnha jsir ħasil ta' flus, tant li l-MEP tal-PN David Casa qed jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew biex tkun revokata l-liċenzja tal-istess bank

Il-Bank Pilatus qed ikun akkużat ukoll illi hedded b'libelli barra mill-pajjiż, liema libelli jistgħu jġibu tliet kmamar tal-aħbarijiet lokali għarkubbtejhom. Fil-fatt f'intervista mal-gazzetta ILLUM id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien spjega kif il-Bank hedded b'libelli li l-ispejjeż tagħhom jitilgħu għal $40 miljun.  Il-Bank Pilatus kienu fajru wkoll SLAPP 'miljunarja' kontra Daphne Caruana Galizia wara li din kienet ippubblikat l-allegazzjoni dwar Egrant Inc. 

Intant il-gazzetta ILLUM kiernet ippubblikat ukoll rapport mill-FIAU li kien ħareġ dwar il-bank Pilatus f'Malta

Hasheminejad; akkużat bi frodi u ħasil ta' flus
Hasheminejad; akkużat bi frodi u ħasil ta' flus

Il-Bank Pilatus jibqa' wkoll is-sors ta' ħafna kontroversja mhux biss minħabba Egrant, imma wkoll għaliex f'dan il-Bank għal xi żmien kienet taħdem Maria Efimova, waħda mis-sorsi ta' Daphne Caruana Galizia, għalkemm mhux is-sors oriġinali. Hi kienet tkellmet dwar l-rwol tagħha mal-Bank partikolari. 

Il-Partit Nazzjonalista kien akkuża liċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri illi għandu kont fil-Bank Pilatus, filwaqt li l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien ikkonferma li hu kellu kont f'dan il-Bank. Dan wara li rapport tal-MEPs indika minn 'xhieda' li taw membri tal-FIAU li Dalli fil-fatt jista' jkun li għandu tali kont. Il-Bank Pilatus, skont l-istess rapport tal-MEPs, għandu l-maġġoranza tal-klijenti tiegħu li huma mill-Ażerbajġan.

"U ejja come on...filgħodu nsaqsu dawn il-mistoqsijiet" - L-ewwel reazzjoni tal-Ministru Edward Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ma għandux kummenti x'jagħti meta dalgħodu kien mistoqsi għall-ewwel reazzjoni mis-sit LovinMalta.

Meta mistoqsi jekk il-Gvern hux se jwaqqaf lil Bank Pilatus milli jopera f'Malta, il-Ministru wieġeb "u ejja come on, early morning asking these questions." Kompla jgħid li wieħed irid iħares sewwa u janalizza l-affarijiet. 

Insista li huwa r-Regolatur li jieħu dawn id-deċiżjonijiet u mhux il-Ministru.

"Prova li dan li l-Bank Pilatus huwa organizzazzjoni kriminali" - David Casa

B'reazzjoni għal din l-aħbar, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li l-arrest ta' Ali Sadr Hasheminejad fl-Istati Uniti ikompli jesponi l-Bank Pilatus bħala organizzazzjoni kriminali.

Saħaq li huwa "diżgustanti" kif dan il-bank ingħata liċenzja biex jopera f'Malta u huwa aktar diżgustanti l-fatt li dan il-bank tħalla jopera minkejja biżżejjed evidenza li kien involut f'attivitajiet kriminali.

Casa insista li l-FIAU kienet ilha taf li Hasheminejad kien investigat mill-FinCEN sa mill-2016. Qal li fir-rapport li fih inkixef kif Keith Schembri kien qed jirċievi tixħim mingħand Brian Tonna għall-bejgħ tal-passaporti, hemm ukoll referenza li Hasheminejad kien investigat fuq trasferimenti ta' flus illeċiti f'ġurisdizzjoni oħra.

Fakkar li rappreżentanti tal-MFSA kienu spjegaw il-proċess tad-due diligence li wettqet l-Awtoritá biex il-Bank Pilatus ingħata l-liċenzja u kien hawn li staqsa jekk hijiex "kompliċi" inkella "inkompetenti."

Sejjaħ mill-ġdid lill-MFSA biex tieħu lura minnufih il-liċenzja mogħtija lil Bank Pilatus waqt li insista li huwa ċar li l-Bank kien protett minħabba r-relazzjoni li fi kliemu hemm bejn Hasheminejad u Schembri.

Intant, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija "għadu ma ssiġġillax" lill-Bank Pilatus. Saħaq li r-rota tal-ġustizzja bdiet iddur u li Hasheminejad ma jistax ikompli "jaħsel idejh" f'Malta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħeġġeġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkomplix jaħsel idejh u jissospendi minnufih il-liċenzja tal-Bank.

Il-PD jisħaq li din l-aħbar tagħmel lil Efimova u lil Caruana Galizia aktar kredibbli

Il-Partit Demokratiku staqsa jekk wara din l-aħbar, il-Gvern hux se jkompli jisħaq li l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus, Maria Efimova, li lbieraħ tat ruħha f'idejn il-Pulizija Griega, għandhiex tkun estradita lejn Malta.

Fi stqarrija, il-PD saħaq li dan l-arrest jagħti aktar kredibbilità lill-allegazzjonijiet li għamlet hi u anke l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-PD ħeġġeġ lill-MFSA biex taġixxi malajr kemm jista' jkun u tieħu l-miżuri kollha neċċessarji biex tassigura li l-kredibilità ta' Malta ma tkunx imtappna.

Għalkemm għamel referenza għall-fatt li mill-informazzjoni maħruġa sa issa, il-Bank Pilatus ma jidhirx li hu implikat direttament, il-Partit Demokratiku qal li wieħed malajr jista' jasal għall-konklużjoni li jekk ċermen ta' bank huwa diżonest, hemm probabbilità kbira li kwalunkwe organizzazzjoni li jmexxi "tista tintuża bħala vettura għal attività kriminali."

Saħaq li l-MFSA, bħala awtorità indipendenti, tista' taġġixxi anke fuq bażi ta' arrest internazzjonali u twettaq spezzjonijiet fil-bank "li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni tal-liċenzja."

Il-PD wera t-tħassib tiegħu għal fatt li dan il-każ jitfa' aktar dawl fuq in-nuqqas ta' due diligence li wettqet l-MFSA u li rapporti tal-FIAU li ġew leaked kellhom jingħataw aktar attenzjoni.

Ara l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u anke tal-Partit Laburista, hawnhekk. 

Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għamlu sena jiddefenduh - Roberta Metsola

Intant fi stqarrija l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola sostniet li jibqgħu bosta mistoqsijiet dwar kif Hasheminjad tħalla "jimmanuvra b'impunità f'Malta minn meta l-Bank ingħata l-liċenzja biex jopera taħt din l-amministrazzjoni. Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi qattgħu din is-sena kollha jiddefendu l-azzjonijiet tal-bank Pilatus u ċ-Ċermen tiegħu. Il-Kummissarju tal-Pulizija qatta' l-aħħar sena jsegwi l-lionja tal-Gvern u jirrifjuta li jieħu azzjoni dwar l-aktar każ ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus serju f'Malta f'ġeneerazzjoni sħiħa."

'Kemm nixtiequ ommna kienet hawn biex tesperjenza dak li qed jiġri llum' - Familja Caruana Galizia

Il-familja Caruana Galizia fakkret fil-libell ta' $40 miljun li kien fetaħ iċ-ċermen tal-Bank Pilatus kontra Caruana Galizia, li lanqas biss kienet taf bih u li twaqqa' l-għada stess li kienet inqatlet. 

Il-familja, fi stqarrija, insistiet illi waqt li l-Pulizija kienu qed jiġru wara persuna "b'akkużi foloz ta' miżaproprijazzjoni ta' ftit mijiet, il-persuna li kienet qed tħaddimha qed tiffaċċja akkużi ta' ħasil ta' flus ta' mijiet ta' miljuni."

"...finalment jista' jiffaċċja l-ġustizzja għal dak li għamel, li jġibna eqreb għall-ġustizzja għax-xogħol ta' ommna. Nixtiequ li ommna għadha ħajja biex tara dak tal-lum iseħħ," temmew jgħidu ulied Daphne Caruana Galizia u r-raġel tagħha. 

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia, tgħid li bdiet issir ġustizzja....
Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia, tgħid li bdiet issir ġustizzja....

More in Politika