Aġġornata | Numru ta' MEPs jitolbu biex Efimova ma tinġiebx Malta

  • Maria Efimova tat lilha nnifisha lill-Pulizija Griega iktar kmieni illum
  • Is-cyprusbusinessmail tikkwota midja oħra Griega li tgħid illi Efimova kienet qed tissemma fl-ivvalenar ta' Sergei Skripal

L-unika 'dehra' ta' Efimova
L-unika 'dehra' ta' Efimova

Fiti tal-mumenti ilu s-sit cyprusbusinessmail żvela kif Maria Efimova, il-whistleblower wara l-allegazzjoni 'Egrant' tat lilha nnifisha lill-Pulizija Griega wara mandat ta' arrest illi kien sar fil-konfront tagħha minn Malta u minn Ċipru. 

Is-sit cyprusbusinessmail huwa l-istess sit li fil-fatt kien żvela illi l-Pulizija Ċiprijotta kienet ħarġet mandat ta' arrest fuq allegat serq mill-post fejn kienet taħdem għal xi żmien; IDF Fragrance. 

Intant ftit tal-mumenti ilu, l-MEPs li kienu parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġew Malta jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt u allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kitbu lill-awtoritajiet Griegi u jitolbuhom jipproteġu lil Efimova kif ukoll jikkonvinċuhom biex din ma tkunx estradita lejn Malta. 

L-ittra kienet iffirmata mis-Soċjalista Ana Gomes, li mexxiet id-delegazzjoni, u nkitbet flimkien mal-MEP David Casa, Monica Macovei, Takis Hadjigeorgiou u Sven Giegold.

Dan is-sit jinsab infurmat illi l-inizjattiva biex tintbagħat din l-ittra lill-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras, kienet tal-MEP Malti David Casa (ara ittra ma' dan l-artiklu). 

F'diversi attentati tal-gazzetta ILLUM biex tiskopri għalfejn il-mandat ta' arrest ta' Efimova ma jidher imkien, lanqas fuq is-sit tal-Interpol, la l-Pulizija Ċiprijotta u lanqas il-kumpanija IDF Fragrance ma' kienu wieġbu.

Il-mandat ta' arrest ta' Efimova ma deher fl-ebda lista ta' nies wanted, la minn Malta u lanqas minn Ċipru. 

Intant is-cyprusbusinessmail qed tikkwota is-sit tvxs.gr li qed tirraporta wkoll li Efimova qed tissemma' fuq il-midja tar-Renju Unit dwar l-ivvalenar ta' Sergei Skripal, spija Russu. 

Aktar tard, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew talab lill-awtoritajiet Griegi biex jiddefendu lil Mari Efimova.

 

Kien is-sit illum.com.mt li żvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija fuq akkużi li użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti, akkużata bi frodi u rapporti foloz.

Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’. Il-Bank Pilatus akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja, għas-spejjeż tal-bank.

L-għada, iżda Daphne Caruana Galizia qalet li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċiviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.

“Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija."

Efimova kienet il-mara wara l-allegazzjoni 'Egrant', jiġifieri li l-kumpanija fil-Panama Egrant Inc. kienet ta' Michelle Muscat u li minnha għaddew mal-$1 miljun. Il-PM Joseph Muscat u Michelle Muscat ċaħdu bil-qawwi din l-allegazzjoni, bil-PM isejjaħ din bħala 'l-akbar gidba fl-istorja politika.' 

L-aħħar żvilupp dwar Efimova, kien fir-rapport tal-MEPs dwar is-saltna tad-dritt f'Malta illi fih kien żvelat kif Efimova indikat li hi ma kinitx l-unika sors tal-istorja dwar Egrant. 

 

More in Politika