'Fil-bagalji ma kien hemm ebda evidenza...'

Iċ-Chairman tal-Pilatus Bank jiċħad li l-famużi bagalji li ħareġ bihom mill-bank nhar il-Ħamis li għadda kien fihom xi dokumenti jew provi

Iċ-Chairman tal-Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr
Iċ-Chairman tal-Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr

Iċ-Chairman tal-Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr jibqa' jiċħad u jsostni li ebda informazzjoni dwar il-klijenti tal-Pilatus Bank ma tneħħiet mill-bank u li fil-bagalji li ħareġ bihom mill-bank nhar il-Ħamis li għadda ma kien hemm ebda dokument jew prova.

Fil-lejl tal-Ħamis tal-ġimgħa li għaddiet, ftit siegħat wara li l-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li l-kumpanija fil-Panama Egrant hija ta' mart il-Prim Ministru, l-attenzjoni waqgħet kollha fuq iċ-Chairman tal-Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr, jew iktar minn hemm fuq iż-żewġ bagalji li ħareġ bihom f'idu mill-bank. Filwaqt li Sadr sostna li għalih nhar il-Ħamis li għadda kien biss vjaġġ normali, b'żewġ bagalji personali.

L-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia  kienu dwar trasferiment ta' somom kbar ta' flus bejn Egrant u kumpaniji fil-Panama reġistrati f'isem Konrad Mizzi u Keith Schembri. Kemm Joseph u Michelle Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri kollha ċaħdu l-allegazzjonijiet tal-blogger.

F'intervista li għamlet it-Times of Malta ma' Seyed Ali Sadr dwar it-trasferimenti ta' flus minn Pilatus Bank, huwa sostna li l-bank ma jippermettix trasferimenti ta' flus online, minkejja l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia li saru trasferimenti ta 'l fuq minn miljun Ewro lejn il-kumpanija Egrant. Sadr spjega li kull trasferiment li jsir minn Pilatus Bank jirrikjedi l-firem tas-sidien tal-kontijiet. Dan ifisser li kull tranżazzjoni li ssir tħalli traċċa fiżika evidenti, u li kull dokument tal-bank, tal-kljineti kollha tal-bank kien disponibbli għall-awtoritajiet.

Minkejja l-aktar allegazzjoni ħarxa ta' Caruana Galizia, li l-bank kellhu dokumenti li jorbtu lil Michelle Muscat ma Egrant, iċ-Chairman tal-Pilatus Bank ċaħad li qatt ma kien hemm xi forma ta' negozju mal-familja Muscat.

Huwa ma ċaħadx li Keith Schembri għandu kont il-Pilatus Bank.

More in Politika