L-FIAU ma tweġibx dwar jekk John Dalli rċeviex flus li għaddew minn '17 Black'

Id-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU jikkonferma imma li "Dalli jista jkun għandu kont mal-Bank Pilatus"

John Dalli
John Dalli

Fost diversi temi fir-rapport li ħareġ ilbieraħ u li huwa riflessjoni tal-laqgħat li kellha delegazzjoni ta' MEPs li ġiet Malta f'Diċembru, jirriżulta illi l-FIAU ma weġbitx meta mistoqsija dwar il-kumpanija 17 Black u l-eksMinistru u eksKummissarju Ewropew John Dalli. 

Ir-rapport jgħid illi l-membri ta' din id-delegazzjoni, li kienu jinkludu lil MEP Portugiża Ana Gomes u anke lill-Malti David Casa, staqsew żewġ mistoqsijiet partikolari dwar Dalli. Jekk dan għandux kont fil-Bank Pilatus u t-tieni, jekk l-FIAU stabbilixxietx li hu kien qed jirċievi flus minn Dubaj permezz ta' kumpanija bl-isem ta' 17 Black. L-MEPs staqsew dan lid-Deputat Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU Anton Bartolo. 

L-abbozz tar-rapport ippubblikat ilbieraħ filgħaxija jgħid hekk; "Kien ikkonfermat illi hu (Dalli) jista' jkollu kont mal-bank (Pilatus), bħala resident ta' nazzjonalità Maltija, imma l-mistoqsija l-oħra (17 Black) ma kinitx imwieġba."

Dalli kien ċaħad li hu għandu xi konnessjoni ma' din il-kumpanija u f'kummenti mas-sit Newsbook lura f'Marzu tas-sena l-oħra kien qal li hu ma jaf bl-ebda 17 Black u li m'għandu ebda konnessjoni ma' dawk li jissemmew fl-istorja ta' din il-kumpanija. Ftit qabel Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat blogg illi fih kien hemm stampa bil-kliem '17 Black' u l-uċuħ ta' Dalli, l-PM Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Il-kumpanija 17 Black allegatament hija kumpanija li tissemma f'rapport tal-FIAU. Kien irrappurtat li din il-kumpanija hija reġistrata Dubaj. Il-gazzetta The Malta Independent fis-26 ta' Mejju tas-sena l-oħra, u allura lejn l-aħħar tal-kampanja elettorali, kienet ippubblikat storja li fiha kien hemm allegat illi minn 17 Black għaddew flus permezz ta' commissions lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Dawn ċaħdu bil-qawwa dawn l-allegazzjonijiet, bi Schembri jiddeskrivihom bħala 'fabrikazzjonijiet xejn inqas minn kriminali."

L-FIAU ċaħdet li hemm xi rapport konklussiv dwar l-istess kumpanija. Sal-lum għadu mhux magħruf min huwa is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Intant ilbieraħ kien irrappurtat kif skont l-istess rapport Ewropew, Maria Efimova indikat li hi mhix is-sors oriġinali tal-istorja li tallaċċja l-kumpanija Egrant ma' Michelle Muscat. 

More in Politika