Il-'whistleblower' Russa titkellem mal-MEPs fuq il-bank Pilatus

Iddeskriviet x'kien l-irwol tagħha meta kienet taħdem mal-bank u kif tkellmet fl-inkjesta dwar Egrant

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Hekk kif żvelat l-ILLUM aktar kmieni, l-‘whistleblower’ Russa Maria Efimova tkellmet mad-delegazzjoni tal-MEPs li fil-ġranet li għaddew kienu Malta biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

L-ILLUM hija infurmata li din il-laqgħa bil-‘video conference’ bdiet għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija u kienet twila ftit iktar minn siegħa. Efimova indirizzat lill-MEPs waqt sessjoni plenarja li qed issir fi Strasburgu.

Fil-midja soċjali, l-Kap ta’ din id-delegazzjoni s-Soċjalista Ana Gomes iddeskriviet din il-laqgħa bħala waħda importanti li minnha l-MEPs ngħataw informazzjoni għall-istħarriġ li qed jagħmlu.

L-ILLUM hija nfurmata wkoll li mal-MEPs, il-‘whistleblower’ Russa tkellmet dwar l-irwol li hija kellha meta għamlet żmien impjegata mal-bank Pilatus u kif fl-inkjesta tkellmet mal-Maġistrat Aaron Bugeja fuq allegazzjonijiet li kienu saru dwar min hu is-sid tal-kumpanija Egrant, irreġistrata fil-Panama u li dehret fil-Panama Papers.

Fil-ġranet li għaddew, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista David Casa talab lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jirrevoka l-liċenzja tal-bank Pilatus.

Il-'whistleblower' Russa Maria Efimova kienet ħarbet minn Malta aktar kmieni din is-sena u nħarġilha wkoll mandat ta’ arrest internazzjonali.

Għada l-membri tal-Parlament Ewropew se jkunu qed jivvutaw fuq ir-rapport finali tal-Kumitat PANA, liema membri tal-kumitat kienu ġew Malta fi Frar li għadda. Ana Gomes kienet ukoll membru f'dan il-kumitat.

L-ILLUM hija infurmata li l-ebda MEP tal-Partit Nazzjonalista mhu se jkun qed jindirizza din is-seduta.

Huwa mistenni li din id-delegazzjoni, li magħha tkellmet il-'whistleblower', tlesti rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li eventwalment ikun ippreżentat fil-plenarja tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.

More in Politika