Il-'whistleblower' Russa llum tindirizza l-MEPs

Maria Efimova se tindirizza lill-MEPs permezz ta 'video conference'

Il-‘whistleblower’ Russa Maria Efimova llum se tkun qed titkellem mal-grupp tal-MEPs li fil-jiem li għaddew ġew Malta biex jistħarrġu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Efimova se tkun qed titkellem permezz ta’ ‘video conference’, f’laqgħa li se tibda llejla fis-6 ta’ filgħaxija fi Strasburgu.

Is-Soċjalista Ana Gomez, li hija ċ-Chairman tal-grupp tal-MEPs magħmul mill-kumitati LIBE u PANA laqgħet it-talba tal-whistleblower Russa li tindirizza lil dan il-kumitat ‘ad hoc’, li huwa mistenni li jagħmel rapport dwar Malta għall-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.

Aktar tard din il-ġimgħa, fi Strasburgu wkoll mistenni li jiġi approvat ir-rapport finali tal-Kumitat PANA, li stħarreġ il-Panama Papers. Il-membri ta’ dan il-kumitat kienu ġew Malta fi Frar li għadda.

Fil-preżent hawn mandat ta’ arrest internazzjonali għal Efimova wara li naqset li tidher il-Qorti fuq każijiet relatati maż-żmien meta kienet qed taħdem mal-bank Pilatus. Hija ħarbet ukoll minn Malta u mal-midja barranija kienet stqarret li jekk tiġi lura ma tibqax ħajja.

B’mod speċjali hija kienet fiċ-ċentru tal-kontroversja fiż-żmien tal-elezzjoni ġenerali aktar kmieni din is-sena wara li qalet li mart il-Prim Ministru hija s-sid tal-kumpanija fil-Panama Egrant.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-awtoritajiet Maltin biex iqisu lil Efimova bħala ‘whistleblower’ u li tingħata l-protezzjoni kollha meħtieġa.

More in Politika