Appelli biex ir-Russa li allegat fuq Egrant tingħata l-protezzjoni ta' 'whistleblower'

Dan wara li nħarġilha mandat internazzjonali għall-arrest hekk kif ma dehritx fil-Qorti 

Il-Partit Nazzjonalista u l-kelliema tiegħu qed jappellaw lill-Gvern li jagħti l-protezzjoni lir-Russa li għamlet numru ta’ allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant.

Dan il-mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tar-Russa nħareġ lbieraħ mill-Qorti.

Dan wara li l-Russa naqset milli tidher quddiem il-Qorti biex tixhed dwar l-allegazzjonijiet li għamlet qabel l-elezzjoni ġenerali.

Hija kienet ħarbet minn Malta fix-xhur li għaddew u l-post fejn qed tgħix mhix magħrufa mal-Pulizija.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa appella biex ir-Russa tingħata l-protezzjoni li tingħata lil ‘whistleblower’.

Casa qed isostni li fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-possibilitá li nqatlet minħabba dawn l-allegazzjonijiet, is-sigurtá tar-Russa ma tistax tiġi garantita.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li mhux se jittollera li r-Russa u l-familja tagħha jiġu intimidati.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi sejjaħ lill-Gvern biex b’mod immedjat jagħti l-protezzjoni kollha lir-Russa bħala ‘whistleblower’ u sostna li għall-Gvern il-liġi mhix l-istess għal kulħadd.

Fi stqarrija, l-Gvern wieġeb li mandat ta’ arrest jinħareġ mill-Qorti indipendentament mill-Istituzzjonijiet l-oħra.

Il-Gvern qal li dan li l-ispin tal-Oppożizzjoni hija attentat ieħor biex tattakka l-indipendenza tal-ġudikatura tas-saltna tad-dritt.

More in Politika