Il-'whistleblower' Russa tgħid li jekk tiġi lura Malta ma tibqax ħajja

Hija kienet sostniet li beżgħet għal ħajjitha u li għalhekk kienet ħarbet minn Malta fix-xhur li għaddew

Maria Efimova, ir-Russa li kienet fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet qabel l-elezzjoni ġenerali stqarret ma’ The Times ta’ Londra li jekk terġa tiġi lura Malta tinqatel.

Hija kienet sostniet li beżgħet għal ħajjitha u li għalhekk kienet ħarbet minn Malta fix-xhur li għaddew.

Ir-Russa, li għamlet żmien impjegata tal-bank Pilatus, kienet għaddiet informazzjoni lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dawn l-allegazzjonijiet fuq kumpanija fil-Panama kienu ġew ippubblikati fil-blogg ta’ Caruana Galizia.

Efimova kienet sostniet li rat dokument dwar din il-kumpanija b’assoċjazzjoni ta’ ħlasijiet mill-Ażerbajġan.

Fil-ġranet li għaddew, il-Qorti ta’ Malta ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tar-Russa, li għandha 35 sena, wara li naqset milli tidher biex tixhed.

Wara l-ħruġ tal-mandat tal-arrest, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex tingħata l-protezzjoni ta’ ‘whistleblower’.

Il-post fejn qed tgħix ir-Russa mhux magħruf mill-Pulizija Maltija.

More in Politika