Rapport PANA: Nuqqasijiet iżda konformi mal-liġijiet Ewropej u tal-OECD

  • Kif żvelat l-ILLUM, il-PANA għażel li ma jagħmilx 'name and shame' ta' pajjiż partikolari
  • Il-PANA jgħid li ċertu intermedjarji ma wettqux 'due diligence' b'mod adegwat 

Ġie ppubblikat ir-rapport finali tal-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew li kellu l-irwol li jinvestiga fost l-oħrajn dak li ħareġ mill-Panama Papers.

Ir-rapport jagħmel analiżi tad-diskussjoni li saret meta l-kumitat żar numru ta’ pajjiżi Ewropej fosthom Malta kif ukoll iressaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet.

Kif kienet żvelat l-ILLUM il-Kumitat PANA ma laqax bosta mill-emendi li kienu qed ressqu l-MEPs, li l-għan tagħhom kien jattakkaw b’mod speċjali lil Malta fost il-pajjiżi l-oħra li isimhom ukoll kien fil-Panama Papers u minflok għażlu li jaddottaw direzzjoni differenti li ma jkunx hemm ‘name and shame’ ta’ pajjiż wieħed partikolari.

Dwar Malta, il-konklużjonijiet tar-rapport tal-PANA jsostni li kien hemm intermedjarji finanzjarji li ma wettqux b’mod adegwat id-‘due diligence’ fuq il-klijenti tagħhom u għalhekk ma kienux fl-aħjar pożizzjoni li jirrappurtaw każijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ frodi jew ħasil tal-flus lill-awtoritajiet.

Ir-rapport jindikaw wkoll li istituzzjonijiet f’pajjiżi membri li huma reponsabbli mill-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa jew każijiet fejn it-taxxa tiġi evitata għal kollox, mhux indipendenti totalment minn influwenza politika.

Il-PANA jinnota wkoll li l-FIAU f’Malta kien għamel rapport fuq suspett ta’ allegat ħasil tal-flus li jinvolvi persuni li huma politikament esposti u liema rapport ma sar l-ebda investigazzjoni fuqu.

Ir-rapport finali tal-PANA jirrimarka wkoll li Malta kellha Ministru li ismu deher fil-Panama Papers u jagħmel enfasi partikolari fuq is-settur tal-‘online gambling’ f’Malta u l-proċeduri tal-liċenzji.

Il-Kumitat jinnota li Malta flimkien mal-Ungerija naqsu milli jwieġbu għal kwestjunarji li ntbagħat. Il-PANA jinnota li s-sistema tat-taxxa f’Malta hija konformi mal-istandards Ewropej u dawk internazzjonali u li pajjiżna wettaq transpożizzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropew u tal-OECD dwar it-trasparenza, frodi u l-ħasil tal-flus.

Finalment jinnota wkoll li l-istituzzjonijiet li huma responsabbli mill-implimentazzjoni u l-infurzar huma politiċizzati bħalma hija wkoll il-midja.

Ir-rapport issa se jiġi ppreżentat waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew f’Diċembru u għall-vot fuq ir-rakkomandazzjonijiet li saru.

Il-Gvern Malti fi stqarrija qal li jilqa' ir-rakkomandazzjonijiet li saru f'dan ir-rapport u l-konklużjoni li Malta mhix 'tax haven'. Sostna li sal-aħħar tas-sena se jkun qed idaħħal fis-seħħ id-direttiva dwar il-ħasil tal-flus. 

More in Politika