Iridu jattakkawna biex jagħtu eżempju bina

  • MEPs b’emendi li jippuntaw subgħajhom lejn setturi kruċjali f’Malta 
  • Edward Scicluna jgħid li għad fadal għarbiel sħiħ għar-rapport finali

Qed issir pressjoni kbira minn MEPs barranin biex, permezz ta’ emendi li ressqu, Malta tissemma’ b’qawwa u b’ferm aktar dettalji fl-abbozz tar-rapport tal-Kumitat PANA tal-Parlament Ewropew.

F’dawn l-emendi, li l-ILLUM għandha f’idejha, l-MEPs iridu li r-rapport jinkludi deskrizzjonijiet u l-ismijiet tal-persuni u l-istituzzjonijiet Maltin li fuqhom saru bosta allegazzjonijiet u li ħolqu diskussjonijiet kbar qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, il-Lussemburgu u Ċipru jissemmew fl-abbozz fil-kuntest taż-żjarat li saru dan il-Kumitat u l-informazzjoni li riedu jiksbu wara l-istorja tal-Panama Papers.

Grupp ta’ MEPs, li ġejjin minn gruppi politiċi differenti mhux qed iressqu emendi għad-dettalji fuq pajjiżi oħra bl-istess forza li qed jagħmlu dwar Malta. L-emendi jagħmlu aċċenn partikolari għas-settur tal-‘online gambling’ f’Malta li jiġi deskritt bħala ‘high-risk’.

Laqgħa tal-Kumitat PANA
Laqgħa tal-Kumitat PANA

MEPs iridu li r-rapport finali jinkludi l-ismijiet tal-Maltin involuti

Dwar l-‘online gambling’ f’Malta, l-MEPs jippuntaw subgħajhom lejn il-proċeduri tal-liċenzji li fi kliemhom jaf ma jkunx konformi mal-liġijiet Ewropej, u jiddeskrivu s-settur tal-‘online gambling’ bħala settur li huwa ‘high risk’ għall-ħasil tal-flus minħabba l-ammont kbir ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji li ma jsirux wiċċ imb wiċċ.

L-emenda f’dan ir-rigward tgħid hekk ‘Draws attention on the online gambling sector and its licencing procedures in Malta, which may not be compliant with the law as online gambling is a high-risk sector due to the huge volumes of transactions/financial flows and non-face to face elements, as identified in its supra- national risks assessment.

Filwaqt li r-‘rapporteurs’ tal-abbozz Jeppe Kofod u Petr Ježek ma enfasizzaw fuqna b’mod partikolari, bl-emendi tagħhom l-MEPs l-oħra jridu aċċenn għal Malta biex nintużaw bħala xi eżempju jew ‘scapegoat’.

L-abbozz tal-Kumitat PANA ma kellux dan l-għan, li jipponta subgħajh lejn xi pajjiż partikolari, tant hu hekk li r-‘rapporteurs’ isemmu l-pajjiżi f’ċertu kuntest mingħajr ma jidħlu f’dettalji ta’ allegat każijiet li seta’ kien hemm fil-Panama Papers.

Il-biża’ hi li jekk għall-kuntrarju tal-pajjiżi l-oħra Malta tibda tissemma’ b’mod aktar speċifiku, il-mira jkunu setturi sensittivi għall-ekonomija tagħna bħalma huma s-servizzi finanzjarji u l-gaming, li joffru eluf ta’ impjiegi.

Dan fi żmien meta l-Kummissjoni Ewropea qed tibqa’ tinsisti fuq l-armonizzazzjoni tat-taxxa.

Fl-emendi tagħhom, l-MEPs jinsabu mħassba dwar allegazzjonijiet li l-Awtoritajiet Maltin possibbilment ma mxewx mad-direttivi Ewropej, partikolarment fir-rekwiżiti biex tinħareġ liċenzja bankarja.

Qed issir pressjoni biex jingħad li għalkemm saru rapporti fuq is-suspetti tal-allegat involviment ta’ ‘political exposed persons’ f’ħasil ta’ flus, sal-lum ma saritx investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijet mill-Pulizija.

Iridu li jingħad kif istituzzjonijiet finanzjarji naqsu milli jagħmlu ‘due diligence’ meħtieġ meta kien hemm suspett ta’ allegat ħasil tal-flus.

L-abbozz jirrimarka kif istituzzjonijiet li huma inkarigati fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar frodi ta’ taxxa u ħasil ta’ flus, jidher li mhux għal kollox indipendenti mill-politika.

L-emendi tal-MEPs jgħidu li minħabba nuqqas ta’ investigazzjoni, ma kienx hemm il-possibilità li jiġu indentifikati u fejn meħtieġ issanzjonati intermedjarji f’Malta, li setgħu ma kinux konformi mal-obbligazzjonijiet tagħhom fosthom ‘due diligence’ tal-klijenti.

L-MEPs iridu jinkludu li fiż-żmien tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, pajjiżna ma kkoperax kif mistenni.

Iż-żmien biex jiġu sottomessi dawn l-emendi li jridu l-MEPs għalaq fil-5 ta’ Settembru li għadda u nhar il-Ħamis se ssir il-kunsiderazzjoni tagħhom u għalhekk ma jfissirx li l-emendi, li jammontaw għal mijiet, se jsibu kollha posthom fir-rapport finali.

Mal-ILLUM, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna enfasizza li dawn għadhom emendi li mhux finali, li jridu jiġi approvati fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew u li r-rapport finali jrid jgħaddi mil-lenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew ukoll.

L-abbozz tar-rapport tal-Kumitat PANA, li ma kienx fuq Malta biss iżda mifrux għal fuq l-Ewropa kollha, jikkonkludi li numru ta’ mistoqsijiet baqgħu mingħajr tweġiba sabiex l-istess Kumitat seta’ jara u jiżgura l-iskala tal-każijiet u l-metodi użati fil-Panama Papers.

Jikxef problema ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fin-nuqqas ta’ qsim tal-informazzjoni u l-organizzazzjoni fil-ġbir ta’ din l-informazzjoni.

Il-Kumitat PANA twaqqaf mill-Parlament Ewropew wara li kienet ħarġet pubblika l-investigazzjoni tal-ICIJ relatata mal-Panama Papers.

Dan il-Kumitat żar pajjiżi differenti fosthom Malta biex jistħarreġ il-liġijiet nazzjonali u jinvestiga każijiet partikolari sabiex jara jekk saritx traspożizzjoni korretta tad-direttivi Ewropej fil-liġijiet nazzjonali.

Il-PANA kellu l-irwol li jistħarreġ li l-liġijiet nazzjonali jkunu effettivi kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa.

Wara l-investigazzjoni tal-ICIJ, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq żewġ listi, waħda li tkun tinkludi pajjiżi terzi problematiċi, għaliex ma jikkoperawx fuq l-informazzjoni għat-taxxa u lista oħra ta’ pajjiżi li jaċċettaw skemi ta’ ħasil tal-flus.

Il-każ ta’ Mossack Fonseca kien jinkludi kważi 12-il miljun dokumenti aktar mill-Wikileaks, Offshore leaks, Luxleaks u Swissleaks flimkien.

Il-Kummissjoni tqis li l-ħasil tal-flus jammonta bejn it-2% u l-5% tal-Prodott Gross Domestiku dinji.

More in Politika