Opinjoni | Litanija ta' nuqqasijiet

Joe Ellis jgħid li bl-isptarijiet immexxija mill-Amerikani se jbati l-but tagħna lkoll...

Nhar il-Ġimgħa kif kont ser nagħlaq l-uffiċċju, tfaċċa ħabib antik, ħabib ta’ bosta għexieren ta’ snin. Bniedem ġej minn għeruq Nazzjonalisti sodi u illi fil-passat kien Nazzjonalist ferventi. Taħt in-Nazzjonalisti n-negozju tiegħu mar tajjeb imma naf illi kellu ħafna problemi mal-Awtorità tal-Ippjanar.  Kemm il-darba lmenta kemm l-affarijiet kienu diffiċli f’din l-Awtorità  taħt in-Nazzjonalisti u kemm issa l-affarijiet marru għal aħjar. Inkun ferm sorpriż jekk dan il-ħabib tiegħi flimkien mal-familja tiegħu ma vvutax Laburista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet .

Wara ftit id-diskors waqa’ fuq il-politika.  Laqtietni ħaġa li qalli : anke l-Italja issa ser jerġgħu jtellu lil Berlusconi fil-poter, bniedem ferm korrott illi nstab ħati mill-qorti u illi għandu konnessjonijiet fil-qrib mal-mafja.  Li ried igħid il-ħabib tiegħi hu li n-nies ma jagħtux każ il-korruzzjoni għax kieku Berlusconi ma għandhux ċans jieħu l-poter.  U bl-istess mod ried jimplika illi japplika hawn Malta.    

Il-ħabib tiegħi għandu raġun fuq diversi aspetti: fl-ewwel lok, huwa minnu illi Berlusconi kellu rabtiet fil-qrib mal-mafja.  Ħadd m’għadu identifika eżatt minn fejn ġab il-kapital inizjali kollu sabiex jiżviluppa Milano Due, proġett ta’ bini f’Milan li ħallielu qligħ kbir.  Hemm ħafna spekulazzjoni illi missieru li kien kaxxier f’bank illi l-mafja kienet tuża ħalli tiddeposita l-flus tagħha kien għinu jsib il-kapital meħtieġ.  Dan l-aħħar boss mafjuż ġie interċettat fil-ħabs igħid illi huma qegħdin jitmermru hemmhekk fil-waqt li Berlusconi qiegħed barra jgawdi.

Il-ħabib tiegħi għandu wkoll raġun illi l-poplu ma tantx jagħti kas l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. Speċjalment meta ma jolqtuhx fil-laħam il-ħaj. Fi żmien il-Gvern Laburista tas-sebgħinijiet il-korruzzjoni kienet tolqot lil dak li jkun direttament: trid television, trid tħallas lit-tali, trid telefon, trid tkellem lil xi qaddis, trid qabar, trid tkellem lill-ministru.  Illum, il-popolin, il-man in the street, l’uomo qualunque faċli ma jagħtix kas li l-affarijiet ma sarux sew sakemm il-permessi tiegħu joħorġu xorta u jieħu l-promozzjoni li jrid, jixraqlu jew ma jixraqlux.

Wieħed ma jistax jgħid illi qed jgħix fi stat demokratiku meta l-gvern tiegħu jaħbi affarijiet essenzjali liċ-ċittadini tiegħu

Il-gvern preżenti għandu stil ferm differenti.  Filwaqt illi jagħmel minn kollox sabiex jindirizza l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta’ ħafna nies, anke jekk mhumiex Laburisti, ma adottax il-metodi vjolenti tal-era mintoffjana għalkemm xi kultant jidher illi t-tentazzjoni hemm qiegħda.  Imma fl-istess ħin, qiegħed jippermetti illi jsiru bosta manuvri illi kieku saru taħt in-Nazzjonalisti żgur illi l-Partit Laburista kien ikun minn ta’ quddiem sabiex jikkundannahom u jikkritikahom.

Probabilment l-eżempju eċċellenti ta’ dan hu n-negozju li sar ma’ Vitals Global Healthcare.

Il-Gvern Laburista ma kellu xejn fil-programm elettorali tiegħu illi tindika illi kien ser jipprivatizza l-isptarijiet pubbliċi. Imbagħad ħabta u sabta tħabbar illi kienet ser toħroġ espressjoni ta’ interess sabiex instab operatur privat sabiex imexxi l-isptar ġenerali t’Għawdex u dak ta’ San Luqa u Karen Grech.

Eventwalment, “intgħażlet” il-kumpanija Vitals Global Healthcare illi ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam u ħadd ma kien jaf (u għadu ma jafx sal-lum) min huma s-sidien veri tagħha. Is-sostenituri Laburisti jħobbu jgħidu illi Vitals ser tinvesti fis-settur mediku f’pajjiżna imma s’issa ma rajna xejn min dan l-investiment. Ibda biex din kumpanija ta’ €1,200, somma appena biżżejjed sabiex tixtri karozza diċenti second hand. Altru illi dawn ma ġabu l-ebda investiment għax minkejja l-miljuni li ppompja l-gvern mingħajr l-ebda rendikont, dawna spiċċaw ikollhom ibiegħu l-ishma lill-kumpanija amerikana, Steward Healthcare International għax l-anqas biss kellhom flus biex iħallsu l-pagi tal-85 ruħ li jimpjegaw direttament. Irridu nfakkru illi l-pagi tal-kumplament tal-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet għadha titħallas mill-gvern,

Dan l-aħħar qed ikolli mmur inżur ħabib l-isptar Karen Grech. Xi snin ilu wkoll kont immur inżur qarib fl-istess sala. Kemm ilu l-isptar f’idejn VGH ma sar investiment ta’ xejn ħlief li għamlu billboard fil-kuridur. Altirmenti kollox baqa’ l-istess. Imma kif qalli dan l-aħħar wieħed li jopera fis-settur u jaf sew l-affarijiet (u li hu minn familja Laburista magħrufa), filwaqt illi l-gvern qed iħallas lil VGH €200 għal kull sodda għal kull persuna kuljum irrispettivament jekk is-sodda tkunx okkupata jew le, il-mument illi pazjent jiġi ttrasferit għal klinika privata biex jingħata l-istess kura, il-gvern kulma jħallas €55 kuljum għal kull pazjent. Jista’ xi ħadd jispjega din id-diskrepanza?

L-istess jista’ jingħad għall-Isptar t’Għawdex. Wara ħafna daqq ta’ trombi għax qiegħdu erba’ madumiet fir-reception, assistejna għall-ispettaklu li naraw lil VGH jippruvaw jibnu l-iskola medika għal Barts.  Deċiżjoni mhux meħtieġa u diskuttibli għal aħħar.  L-isforzi ta’ VGH kienu tant fjakki illi dan il-bini għadu fil-pedamenti u l-kuntrattur Għawdxi għandu jieħu somom kbar ta’ flus kif irrapurta dan il-ġurnal ftit ġimgħat ilu.  Dan il-ġurnal ukoll irrapporta illi xi €3.6m f’apparat mixtri wara l-2013 ġew trasferiti lil VGH għal €1.  Fil-fatt, il-valur tal-assi trasferiti lil VGH hu ferm ogħla. Biżżejjed wieħed isemmi l-apparat ultra modern illi nxtara mill-amministrazzjoni preċedenti b’fondi ewropej bħal ultrasound u CT scan.

Jekk xi ħadd isaqsina jekk il-qagħda fl-isptar t’Għawdex kinetx sodisfaċenti, ir-risposta tiegħi tkun fin-negattiv. Imma s-soluzzjoni ċertament ma kienetx VGH. Dawn ġew, daħlu f’ħafna djun u biegħu ovvjament bi profitt għalihom a skapitu tal-ħaddiema u imprendituri kollha Maltin u Għawdxin illi mit-taxxi tagħhom tħallsu l-€50m li hu kkalkulat illi VGH belgħu fil-ftit żmien illi kienet taħt il-propjetarji oriġinali tagħhom.

Wieħed ma jistax jgħid illi qed jgħix fi stat demokratiku meta l-gvern tiegħu jaħbi affarijiet essenzjali liċ-ċittadini tiegħu. Iċ-ċens temporanju li ngħata lil VGH ma ġiex diskuss fil-Parlament jew wara li saret sejħa għall-offerti kif il-liġi titlob. Minflok, il-gvern ittrasferixxa l-art lil Malta Industrial Parks li mbagħad ittrasferiet iċ-ċens temporanju lil VGH qisha kienet fabbrika kwalunkwe.

Għadni ma rnexxilix naqra l-kawża li fetaħ il-kap tal-Oppożizzjoni din il-ġimgħa kontra dan it-trasferiment imma nittama illi din il-kawża qiegħda tikkontesta l-legalità ta’ tali trasferiment għax sptar mhuwiex fabbrika jew lukanda illi l-gvern jista’ jittrasferixxi direttament. Naħseb illi dina l-kawża missha ilha li saret bħalma messu ilu li sar l-intervent illi issa għamlet l-Ewro Parlamentari Roberta Metsola sabiex jiġi investigat jekk din il-konċessjoni ngħatatx konformement mar-regolamenti Ewropej. Jien m’għandix dubji li dan mhuwiex il-każ u nżid preokkupazzjoni oħra ma dawk imsemmija minn Metsola: din il-konċessjoni fiha elementi ta’ għajnuna statali illeċita jew le?

Jekk wieħed stenna kollox minn Gvern Laburista, żgur li ħadd ma stenna illi tliet sptarijiet ser jispiċċaw jitmexxew mill-Amerikani fejn allaħares ma jkollokx kartiera fil-but jew assigurazzjoni privata

Għax minn dak illi qiegħed bil-mod il-mod jiġi żvelat minħabba r-retiċenza tal-gvern, jidher illi l-promoturi ta’ VGH ma setax ikollhom ftehim aktar favorevoli milli kellhom.  Barra r-rati tassew tajbin illi ħadu, ġie żvelat illi ċ-ċens mhuwiex għal 30 sena kif il-gvern stqarr imma għal 99 sena. Imma jekk il-gvern irid jittermina ċ-ċens wara 30 sena għall-isptar t’Għawdex jew Karen Grech, irid iħallas lil Vitals is-somma ta’ €80m. Barra minn hekk, jekk il-gvern jittermina l-ftehim irid mhux biss iħallas lil VGH €100m imma wkoll jassumi d-dejn kollu li Vitals ikollu fl-epoka. U anke jekk tkun Vitals illi toħroġ mill-ftehim, il-gvern ikun obbligat illi jagħmel tajjeb għad-djun tagħhom. Dawn huma kundizzjonijiet tassew sfavorevoli għall-poplu Malti u b’riħa qawwija ta’ għajnuna statali lleċita. Għaldaqstant, tajjeb illi Brussels tinvestiga waħda jekk din il-konċessjoni setgħetx issir.

Issa biex il-poplu Malti jiġi insulentat aktar, ħarġu affarijiet ġodda minn dokumenti illi ġew ippreżentati l-qorti minn ċertu Ashok Ratehalli meta ppreżenta mandat t’inibizzjoni sabiex iwaqqaf it-trasferiment tal-azzjonijiet f’Vitals lil Steward Healthcare għax ippretenda li kellu jieħu 5% tal-ishma ta’ Vitals. Fil-fatt dan Ratehalli ħadhom dawn il-5% u Steward akkwistaw biss 95% ta’ VGH. Imma dan wara illi Ratehalli ppreżenta l-qorti memorandum of understanding datat 23 ta’ Novembru 2014, erba’ xhur qabel illi ProjectsMalta ħarġet is-sejħa għall-espressjoni ta’ interess illi fih 70% tal-azzjonisti tal-kumpanija li eventwalment saret VGH daħlu fi ftehem ma’ ċertu Ambresh Gupta.  F’din l-iskrittura ntqal ċar u tond illi dawn is-70% (ħadd għadu ma jaf min huma t-30% l-oħra) diġà daħlu fi ftehim mal-Gvern ta’ Malta sabiex il-kumpanija li ser titwaqqaf tmexxi l-isptar t’Għawdex, tibni 200 sodda oħra sa l-aħħar tal-2016 (x’ottimiżmu!) u Kulleġġ Mediku skond l-istandard ta’ Brats (sic) u possibilment takkwista St Philip’s u San Luqa. Huwa evidenti illi kif kienet stqarret fl-epoka Daphne Caruana Galizia, is-sejħa għal espressjoni t’interess kienet farsa għax id-deċiżjoni kienet ilha li ttieħdet.

Kif għidt lill-ħabib tiegħi, kulħadd jagħmel l-għażliet tiegħu u jrid jassumi r-responsabilità għall-konsegwenzi tagħhom. Imma l-poplu għadu ma fehemx illi ftehim bħalma sar ma Vitals mhux fl-interess pubbliku u llum jew għada ser inħallsu qares għalih. Biex tgħaxxaq il-gvern kellu opportunità tad-deheb sabiex joħroġ minnu bla konsegwenzi gravi meta Vitals spiċċaw prattikament falluti wara sena u nofs ta’ operat. Madankollu, il-gvern kien aktar ħsiebu li ma jitlifx ġieħu mal-opinjoni pubblika milli jissalvagwardja l-interess nazzjonali.

Dan il-ftehim ser jibqa’ tebgħa kerha fuq dan il-gvern għal ħafna u ħafna snin u agħar minn hekk mażżra m’għonq il-poplu kollu għal 97 sena oħra. Jekk wieħed stenna kollox minn Gvern Laburista, żgur li ħadd ma stenna illi tliet sptarijiet ser jispiċċaw jitmexxew mill-Amerikani fejn allaħares ma jkollokx kartiera fil-but jew assigurazzjoni privata meta tidħol l-isptar għax tispiċċa bla kura medika.  Għad irridu naraw kif Steward ser jadattaw il-prattiċi tagħhom għall-kultura ta’ pajjiżna. Wieħed jittama biss illi fil-proċess ma jispiċċawx ibatu l-pazjenti u l-poplu inġenerali. Ċertament imma illi l-but tagħna lkoll ser imur minn taħt fis-snin li ġejjin.

[email protected]

More in Politika