Il-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żabbar se jkun qed jorganizza laqgħa pubblika biex jiddiskuti l-kwistjoni ta' bini ta' stabbiliment tal-McDonalds f'Ħaż Żabbar, fuq art illi parti minnha hija fiż-żona barra l-iżvilupp (ODZ).
Ħabbar dan iktar kmieni illum is-Sindku tal-istess lokalita Marc Vella Bonnici, wara storja li żvela dan is-sit il-ġimgħa l-oħra. Fiha kien żvelat kif saret applikazzjoni għall-żvilupp minn Premiere Restaurants li għandha l-liċenzja tal-franchise tal-McDonalds f'Malta.
Vella Bonnici qal illi kien hu li sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kunsill sabiex tkun diskussa din l-applikazzjoni partikolari. Vella qal li l-Kunsill iddeċieda li jsejjaħ laqgħa pubblika dwar din l-applikazzjoni partikolari li se ssir nhar il-Erbgħa li ġej fis-6 p.m. fis-sala tal-Kunsill Lokali.