Esklussiva | Propost McDonalds fuq art ODZ f’Ħaż-Żabbar

It-tieni McDonalds propost fuq art barra miż-żona ta’ żvilupp f’temp ta sitt xhur

ILLUM tista' tiżvela li qed ikun propost bini ta’ restorant kbir tal-McDonalds fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) fi Triq il-Labour f'Ħaż-Żabbar. Fil-preżent, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tevalwa l-pjan ta’ kostruzzjoni hekk kif parti mil-art li fuqha qed jiġi propost il-bini tal-McDonalds hi f'ODZ.

Skont l-informazzjoni li għandha l-ILLUM, il-pjan tal-bini kummerċjali jinkludi faċilitajiet ta' parkeġġ għal 28 karozza, l-faċilitá ta’ ‘drive in’ kif ukoll diversi żoni b’siġġijiet u mwejjed barra r-restorant u fit-terazzin. Dan huwa t-tieni pjan ta’ bini ta' restorant tal-McDonalds fuq art ODZ f’żmien ta’ sitt xhur.

Lura għal-Lulju tal-2017, il-kumpanija Premiere Restaurants li għandha l-liċenzja tal-franchise tal-McDonalds f'Malta ssottomettiet applikazzjoni ta’ restorant ġdid fuq art ODZ ta’ 7,000 metru kwadru viċin ir-'roundabout' tal-ajruport, propju ftit metri 'l bogħod mir-restorant eżistenti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Iż-żona ta' żvilupp
Iż-żona ta' żvilupp

Din ir-rilokazzjoni tal-McDonalds kienet ġiet deskritta bħala “inaċċettabbli” mill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). F’kummenti mal-gazzetta oħt MaltaToday dakinhar l-ERA kienet qalet li “l-iżvilupp propost jista' jiġi faċilment akkomodat fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.” L-ERA kienet ikkumentat ukoll dwar telf ta’ art agrikola u għall-iżvilupp kummerċjali mhux ġustifikat.”

L-applikazzjoni tal-aħħar żvilupp ta’ Premiere Restaurant f’Ħaż-Żabbar kienet sottomessa fit-12 ta’ Settembru 2017, bid-deċizjoni tal-Awtorità mistennija tkun mħabbra f’Mejju li ġej. 

Peress li l-art allokata hi 'l barra miż-żona taż-żvilupp din tirrikjedi l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar. Wara li ssir l-evalwazzjoni rigoruża fuq is-sit in kwistjoni, l-uffiċjali tal-Awtorità jkunu jistgħu joffru l-parir tagħhom lill-bord tal-istess awtorità. Huwa l-bord li fl-aħħar mill-aħħar jiddeċiedi jmexxix 'il quddiem l-iżvilupp.

Premier Restaurants Malta huwa l-operatur tar-ristoranti tal-McDonald’s f’Malta u f'Għawdex. Apparti minn hekk dan hu għandu liċenzja tal-McDonald's fl-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija, b'operazzjoni li tinkludi 136 ħanut b'tim ta' 7,500 persuna. 

Triq il-Labour, Ħaż-Żabbar
Triq il-Labour, Ħaż-Żabbar

More in Kronaka